Fil-gżira tat-tliet għoljiet beda x-xogħol biex jiġi rrestawrat it-Torri tax-Xlendi. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat bi tliet mija u ħamsa u ħamsin elf ewro Fondi Ewropej.
It-Torri tax-Xlendi inbena fis-seklu sbatax iżda ilu mitluq għal diversi snin. Għalhekk il-Gvern ħass il-ħtieġa li dan il-bini jiġi rrestawrat għall-istat oriġinali tiegħu.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, sostna kif ir-restawr ta’ dan it-torri jkompli jżid mal-prodott turistiku f’Għawdex u dan mhux se jkun l-uniku proġett ta’ restawr iffinanzjat b’Fondi Ewropej.
Spjega li, “Il-fondi Ewropej żgur li ser ikunu qiegħdin fuq quddiem nett tal-agenda tal-Ministeru għal Għawdex, anke issa, bl-ikbar budget li rnexxielu jġib il-Gvern propju għas-sebgħa snin li ġejjin fejn qed jiġi assigurat li tal-inqas għaxra fil-mija ta’ dan il-budget jissarfu fi proġetti tanġibli fil-gżira Għawdxija.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi emfasizza l-importanza li jiġu ppreservati binjiet storiċi biex uliedna jkunu jistgħu igawdu dak li ħallewlna missirijietna.
Qal li, “Proġett li jsaħħaħ attrazzjoni turistika li hawn ġewwa x-Xlendi iżda fuq kollox ikompli jsebbaħ u jagħti valur lil dak il-wirt storiku li ħallewlna missirijietna.”
Wara li jitlesta r-restawr fuq dan il-bini storiku, se jkun hemm ċentru tal-interpretazzjoni li se joffri iktar informazzjoni fuq l-irwol militari li kien iservi t-torri.
Dan mistenni jattira mal-għaxart elef viżitatur fis-sena.