L-Awtoritajiet tal-Kulleġġ ta’ Santu Wistin ikkundannaw u ċaħdu l-istqarrija li ħarġet il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali l-Ġimgħa.
F’din l-istqarrija ffirmata mill-Kap Eżekuttiv Graham Sansone, il-Unjin bagħtet filmat lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha, fejn allegat kif din l-iskola sekondarja mmexxija mill-Patrijiet Agostinjani mhix qed timxi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, għax skont il-unjin “faqgħu l-bubble.”
Iżda din l-istqarrija qajmet furur fost il-komunità Agostinjana.
F’reazzjoni mibgħuta lil dan l-istazzjon, l-Awtoritajiet tal-Kulleġġ qalu li “l-filmat ippubblikat mill-Unjin ma jimliex l-iscreen kollu imma l-parti tan-nofs biss, għalhekk minħabba ċ-ċokon ta’ dak li jidher fuq l‑iscreen kollox jidher żgħir u jagħtik l-impressjoni li kulħadd qiegħed ġo xulxin.” Qalulna li “Huwa video meħud mill-bogħod u minn angolatura partikolari”, u jekk wieħed jerġa’ jara l-filmat b’attenzjoni, jista’ jinnota li t-tfal kienu resqin lejn vann b’mod ordnat u bid-distanza.
L-istqarrija tal-UPE ġabet rabja wkoll fost l-għalliema u l-ġenituri tal-istudenti li jattendu f’din l-iskola, li f’kummenti fuq Facebook faħħru l-organizzazzjoni ta’ din l-iskola b’rabta mal-imxija.
- Waħda mill-għalliema kitbet : Aħbar falza, il-unjin messhom ivverifikaw qabel ma ppublikaw xi ħaġa hekk.
- B’rabja, għalliema oħra qalet; Nitlob lil dawk li jissejħu professjonisti u li skonthom huma l-vuċi taghna edukaturi fil-UPE biex qabel ma jtellghu informazzjoni jitkixxfu sew X’inhi l verita! Ħudu paċenzja u tkunux Il-vuċi tiegħi, jien LSE fil-kulleġġ Santu Wistin u kburija mmens. Minbarra li jien LSE, nitkellem ukoll bħala omm li tibgħat lil binha f’dan il-Kulleġġ.
- Ġenitur ieħor kitbet; Jien nirringrazzjaha lil din l-iskola tal-ħidma tagħha kontinwa għas-saħħa ta’ uliedna. U dan narah kuljum b’għajnejja u mhux b’video angolat b’tali mod kif iridu li jidhru l-affarijiet!
Ma’ dawn ingħaqdu għexieren ta’ għalliema u ġenituri oħra li lkoll kellhom reazzjoni ta’ rabja għal din il-unjin.
F’ritratti li bagħtu lil dan l-istazzjon, l-Awtoritajiet tal-Kulleġġ qalu li dawn juru biċ-ċar kif ikunu organizzati l-istudenti għat-tluq tagħhom mill-iskola b’distanza bejniehom. “B’dehra realistika u ħafna aħjar mill-impressjoni esaġerata li jagħti l-filmat.”