Wara l-elezzjoni Presidenzjali tat-Tlieta, riżultati mhux uffiċjali juru li l-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ din l-elezzjoni u se jsir is-46 President tal-Istati Uniti.
Skont CNN u BBC, Biden rebaħ l-istat ta’ Pennsylvania li jġorr miegħu għoxrin vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
Biden rebaħ lill-President attwali tal-Istati Uniti u l-kandidat Repubblikan Donald Trump.
B’dan ir-riżultat, il-kandidat Demokratiku Joe Biden ġab aktar min-numru maġiku ta’ 270 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi. Filfatt, Biden ġab mitejn, tnejn u għoxrin vot, u Trump kiseb mitejn u tlettax-il vot.
Trump huwa l-ewwel President fi 28 sena li mhux se jkun President Amerikan għat-tieni terminu, wara li George H.W. Bush tilef kontra Bill Clinton fl-1992.
Din l-elezzjoni Presidenzjali kienet waħda storika, hekk kif it-turnout kien l-ogħla wieħed f’120 sena.
Biden huwa l-aktar kandidat presidenzjali li ġab voti u qabeż l-ammont ta’ voti minn Barack Obama fl-2008. B’kollox Biden ġab aktar minn 74 miljun vot.
Din l-elezzjoni kienet waħda missielta, hekk kif kienet qed tiddependi minn sitt stati, fosthom Pennsylavinia u Georgia, li matul il-jiem li għaddew, Trump kien minn ta quddiem iżda l-vantaġġ mill-voti li ntbagħtu bil-posta taw vantaġġ lil Biden.
B’reazzjoni għal din ir-rebħa, il-President Elett Joe Biden stqarr li huwa onorat li l-poplu Amerikan għażlu biex ikun President u li huwa se jaħdem qatiegħ sabiex ikun President tal-Amerikani kollha, anke ta dawk li ma vvutawx għalih.
Għall-ewwel darba wkoll, il-Viċi President Elett mill-kamp Demokratiku Kamara Harris se tkun l-ewwel viċi president mara u ta’ karnaġjon skur.
Ftit qabel din it-tħabbira, il-President Amerikan Donald Trump fuq Twitter qal li rebaħ din l-elezzjoni b’ħafna voti.
Barra minn hekk, akkuża li d-Demokratiċi qed jgħaġġlu wisq, u li mit-Tnejn se tibda kampanja biex jiftaħ kawża qorti. Qal li huwa mhux se jieqaf sakemm tkun ikun irrispetat il-vot tal-Amerikani.
Joe Biden, li għandu 77 sena u li serva bħala Viċi President tal-President Barack Obama bejn l-2009 u l-2017 u senatur fl-istat ta’ Delaware bejn l-1973 u l-2009.
Fl-20 ta’ Jannar li ġej, Joe Biden jinħatar President Amerikan wara li jġib meħtieġa mill-kulleġġ tal-eletturi.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Joe Biden u lil Kamala Harris għal din il-kariġa, fejn qal li din tal-aħħar hija ta’ ispirazzjoni.
Congratulations upon his election as POTUS @JoeBiden – congrats also to @KamalaHarris as first woman vp in the US – so inspiring – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 7, 2020