Fil-pitch tal-waterpolo ta’ San Ġiljan għadu kif tlesta studju neċessarju li jistma l-impatt tat-temp estrem, tal-kurrent tal-baħar u wkoll ta’ qiegħ il-baħar. Liema studju jidħol f’dettall liema bħalu fejn iqis kull mewġa anke dik skerzata kull mitt sena.
Il-President tat-tim ta’ San Ġiljan Peter Bonavia spjega kif dan l-istudju huwa neċessarju għall-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex il-klabb tal-Waterpolo jkollu pitch tal-ogħla livell.
Bonavia spjega kif l-ewwel studji preliminari tlestew xi ġimgħat ilu fejn kien meħtieġ xi modifiki fid-disinn biex fost oħrajn jonqos l-impatt negattiv fuq il-bajja.
Ġaladarba jitlesta, dan il-proġett se jkun qed jipproteġi minn mewġ għoli d-daħla ewlenija tal-bajja tal-Balluta u jevita l-erożjoni tal-bajja bir-ramel matul ix-xitwa. Dan apparti li ser ikollu impatt ġenerali pożittiv fuq l-ambjent kollu.
Waqt żjara fil-klabb ta’ San Ġiljan, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima tenna kif dan il-proġett se jkun ta’ livell internazzjonali, fejn jista’ jintlagħab logħob tal-waterpolo kif ukoll taħriġ tal-għawm.
Is-Segretarju Parlamentari feraħ lit-tim ta’ San Ġiljan għas-suċċessi li kisbu matul din is-sena fil-kampjonat tal-waterpolo.
Qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-pajjiż qed ikompli jinvesti fil-komunità Ġiljaniża billi jiżgura faċilitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalità.
Huwa qal li l-Gvern għandu viżjoni għall-waterpolo u jrid li f’dan l-isport inkomplu niksbu aktar riżultati tajbin u ngħollu l-livell.