F’Malta tneħħew ħamsa u disgħin tunnellata ta’ speċi ta’ pjanti aljeni fl-elfejn u għoxrin. Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia waqt tnedija ta’ strateġija nazzjonali maħsuba biex jiġi mħarsa il-bijodiversità Maltija imfassla mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Ministru Farrugia spjega li Malta hija vulnerabbli ħafna għal invażjoni minn organiżmi aljeni minħabba li gżira. Għalhekk, sar ħafna xogħol sabiex jitneħħew dawn l-ispeċi eżistenti f’pajjiżna. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, Michelle Piccinino spjegat kif din l-istrateġija se twassal għal inqas telf ta’ bijodiversità.
Qalet kif, “Għalhekk l-awtorità f’dawn l-aħħar xhur ippreparat u ħejjiet strateġija biex tiprevjeni u anka timmitiga impatti li ġejjin minn dawn l-ispeċi”
Intant, il-Ministru Farrugia spjega li l-ispeċi aljeni huma uħud mill-ikbar theddida għall-ambjent Malti filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi għal-ħidma bla waqfien tagħha fit-tfassil ta’ din l-istrateġija.
Spjega li, “Dan qed nagħmluh fuq żewġ skali. L-ewwel waħda hija li jitneħħew minn diversi postijiet l-ispeċi aljeni invażivi li ħafna drabi jfixxklu l-ispeċi indiġeni, jiġifieri dawk lokali. Kif ukoll kampanja ta’ informazzjoni biex b’hekk ninfurmaw lill-poplu u l-istakeholders biex dawk l-ispeċi aljeni invażivi li nġiebu fil-passat, fil-futur ma jagħmlux dan.”
Il-Ministru tenna b’appell lil poplu Malti għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, sabiex flimkien inkomplu nissalvagwardjaw l-ambjent tagħna.