Jason Azzopardi baqa’ ma jweġibx għal mistoqsijiet dwar jekk irċeviex rigali mingħand Yorgen Fenech fil-passat. Dan hekk kif ONE News staqsieh il-mistoqsijiet l-iktar pertinenti hu u ħiereġ mill-Parlament.
Dan wara li fuq il-programm Xtra il-Ħamis filgħaxija huwa stqarr li nesa’ jekk qattx ingħata rigali mingħand Yorgen Fenech, li huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hu ġie mistoqsi, “Tikkonferma jekk Yorgen Fenech kienx tak xi rigali jew xi kmamar f’lukanda mill-grupp tiegħu? Il-bieraħ fuq il-programm dehert li nsejt ma nafx jekk forsi l-memorja reġgħetx ġiet lura.”
Filwaqt li Jason Azzopardi baqa’ sieket, ONE News kompla jistaqsi.
“Tajtna anke limit il-bieraħ ta’ Novembru 2018, allura ma naħsibx li għandu jkun hemm problema biex tgħid jekk pereżempju fl-2015, 2016, 2017 ingħatajtx xi rigali. Ma jistħoqilhomx ikunu jafu n-nies? M’għandekx tweġiba?”
Saħansitra akkumpanjat minn dik li l-establishment proponieha għal Kap tal-Oppożizzjoni imbagħad taha l-ġenb, Therese Comodini Cachia, huma dehru jitbissmu. Meta affaċjat bl-iktar mistoqsijiet pertinenti u bil-persistenza tal-ġurnalist, huwa lissen kelma waħda biss. “Unbelievable”.
Mistoqsi “M’għandekx tweġiba Dr.Azzopardi? Bla kumment jiġifieri?” b’Jason Azzopardi jgħid “Unbelievable”
Fi programm fuq ix-xandir nazzjonali Jason Azzopardi kien mistoqsi b’mod preċiż jekk qattx ħa xi ħaġa mingħand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, iżda viżibilment skomdu u mifxul, Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx jekk qatt ħax xi ħaġa.
Intant, staqsejna wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jekk hux qed jara jekk xi ħadd mid-deputati Nazzjonalisti rċivewx xi rigali mingħand Yorgen Fenech.
Madankollu, Bernard Grech għal darba oħra ma weġibx il-mistoqsija u ħarab.