Is-Sibt filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ingħata bidu għall-ħames edizzjoni tal-programm LEAD, bil-parteċipazzjoni ta’ tlieta u tletin mara.
Indirizza l-ewwel sessjoni tal-programm, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li mal-parteċipanti l-ġodda qasam l-esperjenza politika tiegħu u qal li kollox jibda mix-xewqa li tkun lest li tagħti xi ħaġa lis-soċjetà.
Dr Abela semma kif l-appoġġ tal-familja huwa kruċjali fil-politika għax f’ċertu sitwazzjonijiet, lejha biss tkun trid iddur għal parir jew wens.
Il-Prim Ministru tenna li din hija esperjenza sabiħa għax fiha tiltaqa ma’ ħafna nies u tgħix diversi esperjenzi.
Robert Abela qasam il-vjaġġ tiegħu tal-kampanja għal Mexxej tal-Partit Laburista li biha eventwalment sar Prim Ministru ta’ Malta. Qal li din uriet biċ-ċar kemm il-Partit Laburista huwa magħqud.
Semma wkoll il-mekkaniżmu li se jdaħħal il-Gvern biex aktar nisa jiġu eletti fil-Parlament.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Michela Abela, waħda mill-parteċipanti l-ġodda, li qalet għaliex għażlet li tidħol għal dan il-programm.
Spjegat li, “Niġġieldu l-istigma li haw nuqqas kbir ta’ nisa fil-politika u allura xi ħaġa li ħeġġitni aktar biex nidħol għall-programm Lead. Apparti minn hekk jien il-ħajja politika togħġobni ħafna allura dik tatni aktar boost. Illum fis-session li kellna iltqajna mal-PM fejn kellna ngħaddu ċertu questions fejn ovvajment il-PM tagħna l-ideat tiegħu u nkoraġġina aktar biex ovvjament nidħħlu għall-elezzjonijiet.”
Il-programm Lead ħalla wkoll il-frott tiegħu, u dan tixhdu Maria Attard, li diġà temmet b’suċċess dan il-programm.
Qalet li, “Kienet esperjenza prezzjuża ħafna u kienet opportunità li mhux biss biex nitgħallem iktar fil-qasam tal-politika imma opportunità biex nitgħallem fuq il-valuri tal-PL u fuq livell personali. Għenet lili bħala mara u biex niltaqa’ ma’ nies oħra u nagħmel il-kuraġġ u nżid iżjed il-kunfidenza.”
Fl-ewwel sessjoni tal-programm, il-parteċipanti l-ġodda kellhom l-opportunità li jistaqsu lill-Prim Ministru, u għamlu dan fost l-oħrajn dwar is-setturi tal-ambjent, ix-xogħol, il-politika u l-imxija.