Il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab viċin ħafna li jikseb il-presidenza Amerikana.
Biden bħalissa għandu taħt idejh 253 vot tal-eletturi u jinsab biss 17-il vot l’bogħod milli jilħaq in-numru maġiku li bih jikseb il-White House.
Bħalissa Joe Biden qed igawdi minn vantaġġ komdu fl-istat ta’ Georgia, Nevada, Pennsylvania u Arizona.
L-istat kruċjali ta’ Pennsylvania jibqa’ imprevvidibbli għall-aħħar fejn minkejja li għaddew 98% tal-voti r-riżultat uffiċjali għadu pendenti.
Fid-diskors tiegħu l-Ġimgħa filgħaxija f’Wilmington, Joe Biden fejn kien akkumpanjat ukoll mill-kandidata għall-Viċi President Kamala Harris b’ton kunfidenti tenna lil dawk li qed jappoġġjawh li ħa jirbħu din it-tellieqa.
Semma wkoll kif huwa kapaċi jikseb aktar minn 300 vot tal-eletturi u qal kif aktar minn 74 miljun persuna taw il-vot lilu. L-akbar ammont ta’ voti li qatt ingħata kandidat Presidenzjali fl-istorja tal-Amerka.
Saħaq kif l-Amerikani qed jagħtuh il-mandat li jaffaċċja sitwazzjonijiet kruċjali fil-pajjiż bħall-pandemija, l-ekonomija, il-bidla fil-klima u r-razziżmu sistematiku.
Id-Demokratiku Joe Biden matul il-kampanja tiegħu ppreżenta ruħu bħala l-kandidat li ħa jġib l-unjoni wara erba’ snin ta’ politika mimlija rabja, mibegħda u vjolenza.