Għawdex kien għadu u jibqa’ prijorità ta’ dan il-Gvern.
Qal dan il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri fil-Parlament waqt l-estimi finanzjarji ta’ dan il-Ministeru għal dan il-budget.
Il-Ministru spjega kif l-impenn ta’ dan il-Gvern lejn il-gżira tat-tliet għoljiet jidher fiċ-ċar fl-allokazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Camilleri faħħar ukoll il-ħidma tal-Gvern sabiex jippriserva l-impjiegi f’Għawdex speċjalment dawk fis-settur turistiku. Dan fost oħrajn permezz tal-iskema tal-vouchers li tat spinta lill-konsum lokali u l-Covid Wage supplement.
Huwa qal: “Meta nħarsu lejn il-Covid Wage Supplement, naraw li din f’Għawdex kopriet 45% tas-salarji u minnha gawdew xejn inqas minn 4200 ħaddiem. Dan kompla jippermetti bosta negozji ikomplu bl-operat tagħhom.”
Il-Ministru sostna wkoll li l-investiment fl-infrastruttura Għawdxija u l-inċentivi fiskali se jkomplu jixpurnaw aktar xogħlijiet f’Għawdex.
Għall-kritika tal-Partit Nazzjonalista, Camilleri sostna li bħalissa f’Għawdex hemm aktar minn 11,600 persuna jaħdmu. Dan b’kuntrast għal madwar 8,000 li kien hemm fl-2013 u b’hekk żieda ta’ 42% fl-impjiegi taħt Gvern Laburista.
Hawnhekk tkellem ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo fejn sostna d-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista dwar il-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Refalo stqarr: “Id-differenza aħna għalina bħala Gvern, Għawdex huwa l-ewwel u qabel kollox u l-Ministeri kollha jaħdmu fl-interess ta’ Għawdex għalikom le.”
Min-naħa tagħha d-Deputat Laburista Justyne Caruana sostniet anke l-ħidma tal-Gvern fil-qasam ambjentali f’Għawdex.
Hija saħqet: “Ma nistax ma nsemmix ukoll il-mod alternattiv kif qed naraw it-trasport f’Għawdex allura l-electric busses li ġibna minn Fondi Ewoprej, il-fondi li ġibna biex ikun hemm it-tibdil tal-vetturi biex nibdew naqilbu għall-vetturi tal-elettriku biex appuntu nkomplu nipproteġu l-ambjent ta’ Għawdex.”