Srdjan Stevanovic, is-Serb ta’ 38 sena, li fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda ġie arrestat f’dar fl-Imsida minħabba li kien armat b’armi tan-nar u skieken, inżamm arrestat.
Fost l-akkużi li tressaq mixli bihom hemm li ħareġ armi u skieken barra minn daru mingħajr il-permess u li ħebb u rreżista bi vjolenza l-pulizija. Dan filwaqt li qed jaffaċċja wkoll akkużi relatati ma’ ħsara fuq karozza, abbuż fuq klieb li kellu fir-residenza tiegħu u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu.
Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, ippreseduta minn Dr Astrid May Grima, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Charles Mercieca talbet sabiex jinħatar espert psikjatriku ħalli jeżamina lis-Serb.
Il-Qorti qalet li fl-inkjesta diġà nħatar psikjatra u dan jista’ jittella’ jixhed.
Qalet li espert psikjatriku ikun spiża għal xejn ladarba diġà hemm psikjatra appuntat. Id-Difiża stqarret li ser tkun qed tirriserva din it-talba għal stadju ieħor fil-proċeduri.
Il-Qorti ssuġġeriet li kull trattament mediku bżonjuż għandu jingħata lill-akkużat u rrakkomandat li dan jinżamm ġewwa l-isptar Monte Karmeli.
Stefanovic kien ġie arrestat l-Ħadd li għadda f’dar fl-Imsida wara operazzjoni ta’ aktar minn sitt sigħat mill-pulizija Maltija.
Dan wara li kien armat b’armi tan-nar u skieken u beda jhedded li se joqtol in-nies.
Intant, hu u ħiereġ mill-Qorti huwa deher jgħajjeb lejn il-kamera ta’ ONE News minn ġol karozza li ħaditu lejn il-faċilità korrettiva ta’ kordin.