Il-kandidat Demokratiku Joe Biden appella għall-kalma u talab biex f’ġieh id-demokrazija jingħadd kull vot.
B’Kamala Harris ħdejh, Biden għadu kif għadda indirizz qasir li fih qal li jinsab fiduċjuż li hekk kif jintemm l-għadd hu se jkun President u Harris se tkun il-Viċi President tal-Istati Uniti.
“Id-demokrazija tista’ tħawwad imma nitlobkom għal ftit iżjed paċenzja”, saħaq Biden meta indirizza lin-nazzjon f’Delaware.
Fis-sigħat li ġejjin mistennija aktar żviluppi minn Pennyslvania fejn Biden qed inaqqas id-distakk u b’dan l-istat biss, Biden jista’ jikseb u jaqbeż in-numru 270 tal-voti tal-Kulleġġ tal-Eletturi.
Biden jista’ jirbaħ l-elezzjoni anki b’rebħa fl-istat ta’ Arizona u Nevada fejn jinsab fil-vantaġġ.
Sa issa Biden kiseb l-akbar ammont ta’ voti fuq skala nazzjonali fl-istorja elettorali Amerikana.
Intant wara dan l-aħħar messaġġ ta’ Biden, osservaturi politiċi qed isostnu li Donald Trump se jkun kostrett jirreaġixxi.
Għajr tweets u kitbiet oħra fuq il-midja soċjali, Trump għadu ma deherx fil-pubbliku għal iktar minn 36 siegħa mindu ddikjara rebħa f’konferenza tal-aħbarijiet fil-White House.