Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jidgħajjef quddiem id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, esponent ewlieni tal-għaqda Repubblika.
Il-Ħamis filgħaxija Grech kellu jbaxxi rasu b’rabta mal-każ li Jason Azzopardi fetaħ kontra Malta fil-Qorti Ewropea dwar il-ħatra tal-ġudikanti.
Dwar is-sistema l-ġdida tal-ħatra tal-ġudikanti qablet ukoll l-Oppożizzjoni u l-Kummissjoni Venezja.
F’din il-kawża, li se tiswa lill-Malta mat-tmenin elf ewro fi spejjeż legali, Jason Azzopardi qed jirrapreżenta lill-għaqda Repubblika.
Hawnhekk, Grech qal li ma jarax il-bżonn li Azzopardi kellu jikkonsulta miegħu qabel ħa dan il-każ kontra pajjiżna f’idejh.
Qal kif, “F’dak is-sens iva Jason Azzopardi ma kiser l-ebda liġi u ma kellux għalfejn jieħu l-parir tiegħi jew kunsens tiegħi biex jiftaħ dik il-kawża”
Din mhux l-ewwel darba li Jason Azzopardi deher f’isem Repubblika f’kawżi kontra Malta.
F’April li għadda, kwerela li ffirma għaliha f’isem Repubblika setgħet titfa’ lill-Prim Ministru, il-Brigadier u lis-suldati tal-patrol boat P52 sa għomorhom il-ħabs b’rabta ma’ każ ta’ salvataġġ tal-immigranti.
Din kienet qajmet għagħa madwar il-pajjiż kollu b’Azzopardi kien kostrett jirrinunzja mill-każ.
Dakinhar Azzopardi kien qal li warrab mill-każ minħabba li l-pożizzjoni tiegħu bħala Membru Parlamentari għamlitielu diffiċli biex jaqdi dmiru kif suppost.
Huwa kien sostna wkoll li f’każijiet oħra politikament sensittivi kien se jibda jikkonsulta mat-tmexxija tal-Partit.
Madankollu, llum, ftit aktar minn sitt xhur wara u taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, Azzopardi ma ħassx dan il-bżonn u meta l-Kap Nazzjonalista kien mistoqsi dwar dan, qam u telaq mill-kamra.