L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ppubblika riċerka li tmur lil hinn minn sempliċiment numri u statistika oħra li ta’ kull ġimgħa jiġu ppublikati minn dan l-uffiċċju.
Ma’ dan l-istazzjon id-Direttur Ġenerali tal-NSO Etienne Caruana qal li b’din ir-riċerka avvanzata se tkompli tissaħħaħ l-kwalità tal-Uffiċċju tal-Istatistika.
Qal kif, “Din il-publikazzjoni tiġbor sitt research papers u bbażata fuq riċerka mal-uffiċċju tal-istatistika. Bħal ma wieħed jista’ jimmaġina aħna x-xogħol tagħna mhux noħorġu numri biss imma jkun hemm ħafna riċerka wara biex dawk in-numri jkunu ta’ kwalità tajba. Fil-fatt qed nippreżentaw sitt areas differenti fejn matul dan iż-żmien aħna studjana biex il-kwalità tax-xogħol ikun aħjar.”
Il-Pubblikazzjoni tiġbor fiha studji fuq l-edukazzjoni u x-xogħol, prezzijiet, qgħad, industrija, faqar fost l-oħrajn.
Indirizza wkoll din il-konferenza b’mod virtwali l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, fejn saħaq kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għandu fi ħdanu persuni kwalifikati ħafna li jirifletti l-istudju li ġie ppubikat.
Tenna li dawn l-istudji jħallu effett ukoll fuq dawk li jkollhom x’jaqsmu b’xi mod jew ieħor mat-teħid tad-deċiżjonijiet.