Ġie mġedded il-ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Kunsill Malti għall-Arti biex tkompli t-triq li bdiet tliet snin ilu fejn tidħol il-viżjoni ta’ kurżità xjentifika u kreattività.
B’dan il-ftehim, se jkun hemm opportunitajiet fl-oqsma tal-arti u x-xjenza, hekk kif il-ftehim innifsu huwa msejjes fuq il-prinċipju li ż-żewġ setturi jibbenefikaw minn xulxin.
B’din is-sinerġija fl-aħħar tliet snin ġew attirati udjenzi li tradizzjonalment ma jżurux iċ-ċentru tal-Esplora, minħabba bosta attivitajiet li saru għal kull età, kif spjega d-Deputat Direttur taċ-ċentru, Clayton Cutajar.
Spjega li, “Ħdimna ħafna flimkien bħala żewġ Kunsilli, Esplora ħa ħafna min-naħa ta’ expertise u minn proġetti when it comes to the arts, u l-Kunsill Malti għall-Arti wkoll użaw l-Esplora bħala għodda biex ikunu jistgħu juru l-arti u jaħdmu flimkien magħna wkoll.”
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo faħħar il-ħidma tal-Esplora, u nnota li ż-żewġ Kunsilli qed jinċentivaw ħidma li tara li tisfrutta l-potenzjal fl-istudenti sa minn età żgħira.
Dan filwaqt li l-Ministru José Herrera qal li t-tiġdid ta’ dan il-ftehim huwa importanti għaliex biex tgħix l-arti kreattiva, għandha bżonn it-teknoloġija u x-xjenza.