Skont tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fl-elfejn tnejn u għoxrin.
Għal sentejn oħra, l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tesperjenza tkabbir ta’ 6.2%.
Dan ifisser ftit aktar mid-doppju tal-medja Ewropea.
Pajjiżi oħra, fosthom il-Ġermanja, meqjusa l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, fl-2022, l-ekonomija mistennija tikber biss b’2.6%, ferm inqas min-nofs ta’ dak ta’ Malta.
B’reazzjoni għal dan it-tbassir pożittiv għal Malta mill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern qal li dan it-tbassir jikkonferma kemm il-miżuri li qed jieħu l-Gvern mistennija jwasslu għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Maltija.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li minkejja l-impatt tal-imxija fuq it-turiżmu, settur importanti għal Malta, l-pandemija tfisser biss “a temporary shift from a buoyant growth trend”.
Fil-fatt, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jindika li d-daqqa ekonomika tal-COVID-19 fuq pajjiżna fl-2020 mistennija tkun 10% anqas minn dik fiż-żona Ewro.
Sa tmiem l-2022, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna mistenni li jkun 1.4% akbar minn dak li kien fl-2019, qabel il-pandemija.
B’kuntrast, il-ġid nazzjonali fiż-żona Ewro fl-2022 huwa stmat li xorta jibqa’ 1% anqas minn dak li kien fl-2019.
L-agħar sitwazzjoni mistennija tkun fi Spanja, fejn anke fi tmiem l-2022 is-sitwazzjoni ekonomika mistennija tibqa’ 3.2% anqas minn dik li kienet qabel bdiet il-pandemija.
Il-Gvern saħaq li waħda mir-raġunijiet ewlenin wara t-tbassir pożittiv tal-Kummissjoni għal Malta huwa l-pakketti ta’ stimolu ekonomiku li daħħal il-Gvern.
Fil-fatt, ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jsostni li “a voucher system to residents combined with wage supplements to affected employees should support consumption in the retail sector this year”.
Il-Gvern irrimarka li wieħed għandu wkoll jinnota li t-tkabbir imbassar fl-ispiża tal-Gvern, 18.4%, huwa l-ogħla fl-Ewropa, u fil-fatt huwa kważi disa’ darbiet il-medja Ewropea.
Barra minn hekk, ir-rapport isemmi l-proġetti kbar ta’ investiment li ħabbar il-Gvern.
Fil-fatt, l-investiment pubbliku huwa mbassar li jiżboq il-5% tal-ġid nazzjonali.
Dan huwa d-doppju tal-livell osservat fil-kriżi finanzjarja tal-2008-2009.
Minn analiżi tar-rapport joħroġ l-investiment pubbliku f’pajjiżna fis-snin li ġejjin mistenni jkun darba u nofs il-medja Ewropea.
L-esperti tal-Kummissjoni jsemmu wkoll il-fatt li l-qagħda finanzjarja tajba tal-familji Maltin u Għawdxin, riflessa f’tifdil qawwi, toffri potenzjal biex id-domanda domestika tibqa’ b’saħħitha.
Dan jirrifletti l-fatt li skont il-Kummissjoni l-pandemija kellha “a limited impact of the labour market”. Dan l-iżvilupp mistenni jkompli bi tnaqqis imbassar fir-rata tal-qgħad.
Fl-2022, l-ekonomija Maltija mistennija jkollha l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi, kważi tliet darbiet il-medja Ewropea.
Il-Gvern innota wkoll li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jikkuntrasta mad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li mhux possibbli li fl-2021 il-qagħda finanzjarja tal-Gvern se titjieb kif tħabbar fil-Budget.
Fil-fatt, skont l-esperti tal-Kummissjoni, qed ibassru li d-defiċit ser jonqos bi 3.1% tal-ġid nazzjonali fl-2021 u bi 2.4% fl-2022.
Fid-diskors tiegħu b’risposta għall-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux possibbli li d-dħul tal-Gvern fl-2021 jista’ jiżboq dak tal-2019.
Anke hawn jidher li l-opinjoni tiegħu hija differenti minn dik tal-Kummissjoni Ewropea hekk kif din qalet li waqt li d-dħul tal-Gvern kien 37.7% tal-ġid nazzjonali fl-2019, fl-2021 dan mistenni jkun 39.6%.
European Commission forecasts that in 2022 #Malta will grow at twice the #EU average and have triple the #job creation rate. This reflects @MaltaGov’s stimulus and our public #investment, 50% higher than the EU average. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 5, 2020