Ġnien Nicole Zahra – kien propju f’Diċembru 2002 li l-amministrazzjoni tal-iskola kienet iddeċidiet li se tirranġa żona abbandunata fi ġnien ‘sostenibbli’. F’dan il-proġett kienet qed tieħu sehem fih Nicole Zahra li ta’ għaxar snin tilfet ħajjitha f’aċċident tat-traffiku f’Ħal Far u kien propju għalhekk li dan il-ġnien issemma’ ‘Ġnien Nicole Zahra.’
B’investiment ta’ €35,000 qed isir xogħol mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’ dan il-ġnien li jinsab fi Triq is-Sienja, il-Kalkara. Kienet propju Nicole, li kienet membru tal-Kumitat tal-EKO SKOLA fl-iskola Primarja tal-Kalkara li kienet ħarġet bl-idea li parti mitluqa f’din l-iskola tinbidel fi ġnien.
Fi żjara li għamlu l-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ngħatat spjegazzjoni tax-xogħlijiet li saru, fosthom rampa li tagħti aċċess mill-entratura prinċipali għall-bitħa tal-iskola.
Is-siġar taż-żebbuġ li kellhom jitneħħew minħabba ix-xogħlijiet infrastrutturali reġgħu nżeraw fl-istess żona. Dan il-ġnien se jkun konformi mar-regoli tal-Kunsill Nazzjonali għall-Persuni b’diżabilita’, sabiex ikun aċċessibbli għal kulħadd.