B’investiment ta’ erba’ mija u sebgħin miljun ewro, il-Prim Ministru Robert Abela nieda proġett industrijali ġdid fil-Malta Life Sciences Park biswit l-Isptar Mater Dei, li bl-isem ta’ INDIS Malta, se jagħti identità ġdida li se tieħu post dik li sal-lum kienet il-Malta Industrial Parks.
Dan il-proġett se jitmexxa mill-Gvern Malti fuq medda ta’ tmien snin biex jattira aktar investiment.
Fost l-oħrajn, fil-Life Sciences Park se tinbena estensjoni bi spazji ġodda li jistgħu jilqgħu investiment ġdid li jkompli joħloq opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżna.
Iċ-Chairman ta’ INDIS Malta, in-Nutar Jean Pierre Attard, iddeskriva dan il-programm bħala wieħed ambizzjuż għaliex jilqa’ għal dak li jrid jibqa’ jiġi attirat fil-futur.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ INDIS Malta, Karl Azzopardi, spjega li dik li sal-lum kienet il-Malta Industrial Parks, tamministra sittax-il żona industrijali b’madwar disa’ mitt operatur li bejniethom jokkupaw proprjetajiet mifruxa fuq madwar tliet miljun metru kwadru ta’ spazji industrijali.
Spjega li l-mira ewlenija ta’ dan il-proġett hija li jinħolqu aktar spazji.
Qal kif, “F’termini ta’ spazju, jien inħobb nagħmel eżempju ċar. Dan bħal meta jkollok lukandi li jgħidu li għandi mitt sodda u prattikament qiegħed b’occupancy ta’ disgħin fil-mija, jiġifieri għandek disgħin sodda dejjem meħudin. L-istess fl-estates tagħna. Bħalissa jekk għandna mitt binja, ħamsa u disgħin minnhom huma okkupati ovvjament f’termini twal.”
Żewġ miri oħra tal-proġett li jmorru id f’id huma li jkun sostenibbli mill-aspett finanzjarju u effiċjenti fl-operat.
Fl-istess waqt, l-ambjent se jkun prijorità b’użu t’enerġija alternattiva.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li minn dan l-investiment bla preċedent, tliet mitt miljun se jmorru għall-bini ta’ sitt mitt elf metru kwadru ta’ art, sebgħin miljun għal plotts ġodda, ħamsa u ħamsin miljun fl-infrastruttura tal-madwar u ħamsin miljun oħra għal Public Private Partnerships.
Huwa spjega li b’dan il-proġett, li mistenni jkun lest fl-elfejn sebgħa u għoxrin, se jinħoloq rabta diretta mal-Isptar Mater Dei, li mistennija tattira investiment mediku.
Bħala parti minn dan il-proġett ukoll, se jitwaqqgħu fabbriki li mhux qed jintużaw.
Spjega li, “Bħalissa, fil-bini eżistenti nistgħu nakkomodaw biss erbgħa fil-mija tal-investiment li diġà għandna aħseb u ara dak l-investiment li ħa nkomplu nġibu. Kien għalhekk li llum ħabbarna l-ikbar proġett ta’ infrastruttura industrijali, erba’ mija u sebgħin miljun, li ħa nkunu qed nikkreaw sitt mitt elf metru kwadru ta’ spazju però mhux biss spazju kwalunkwe, ħabbarna wkoll proġetti eżempju t-tindif tad-dumpsite f’Ħal Luqa li minnu se nikkreaw spazji iktar miftuħa u ambjentali għal-lokal ta’ Ħal Luqa u għall-madwar. Rajna wkoll investimenti bi proġetti infrastrutturali ġodda li huma aktar environmental friendly, dan huwa l-futur tal-viżjoni tagħna għal pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li filwaqt li ħaddieħor qed iħares lejn illum u jieqaf sal-lum, Malta qed tħares lejn illum, għada u l-għaxar snin li ġejjin.
Dan huwa possibbli għax il-Gvern Malti ħadem b’għaqal u baqa’ saqajh mal-art biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal li, “Jiena lin-negozji tagħna rrid ngħaddilhom messaġġ ta’ tama, ta’ kuraġġ, li kontinwament se jkollhom Gvern warajhom biex jipproteġilhom l-investiment li għamlu, biex jipproteġi l-impjiegi ta’ dawk li huwa jħaddmu u dan huwa l-mudell u l-viżjoni ta’ dak li nemmnu aħna fih bħala Gvern u din hija d-direzzjoni li se nibqgħu naħdmu fiha.”
Il-Prim Ministru nnota li l-2020 kienet sena rekord għall-investiment f’pajjiżna, minkejja pandemija globali, u dan jawgura tajjeb għall-futur fejn wieħed jara opportunità li jinvesti u jħares ’il quddiem.
Qal kif, “Dan il-pjan se jiġġenera għadd ta’ xogħol u għalhekk dal-messaġġ li nibgħat lin-negozji tagħna, hemm ħafna u ħafna xogħol li huwa ġej lejn kuntratturi ta’ dal-pajjiż, hemm ħafna xogħol li se nkunu qegħdin niġġeneraw f’dak li għandu x’jaqsam mal-kostruzzjoni, inġinerija u diversi servizzi anċilleri.”