Fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela u martu s-Sinjura Dr Lydia Abela inawguraw uffiċjalment il-boutique hotel Iniala Harbour House & Residences, li għaliha ġew investiti għoxrin miljun ewro.
Din il-boutique hotel li tinsab biswit is-sur ta’ Santa Barbara toffri veduti spettakolari tal-Port il-Kbir u għandha l-għan li tattira lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità.
Mgħammra bi 23 kamra state of the art u bi suites distinti, l-estetika hija unika u l-faċilitajiet li r-residenti jsibu fil-kmamar huma fost l-ewwel tat-tip tagħhom f’pajjiżna. Id-disinn tal-kmamar huwa ispirat mill-identità Maltija: b’soqfa magħmulin fuq il-lewn tal-ġebla tal-franka u bil-Funtana Tritoni ssib postha stampata fuq ħajt ta’ waħda mill-kmamar lussużi.
Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela awguraw lill-imprenditur u l-fundatur tal-Grupp Iniala Mark Weingard li permezz ta’ dan l-investiment ħoloq 40 impjieg ġdid bl-għadd ta’ ħaddiema mistenni jitla’ għal 60 ruħ.
Il-Boutique Hotel se jkollha wkoll ristorant li għandu l-għan li jkun fost l-aqwa ristoranti fil-pajjiż.
Mark Weingard qal kif ir-residenti se jkollhom iċ-ċans jaraw kif id-disinjaturi rnexxielhom iżewġu l-istorja Maltija mal-innovazzjoni li joffri l-post innifsu.
Żied li l-ambizzjoni tiegħu u tat-tim hija li jiftaħ il-bibien ta’ pajjiżna għal klassi ġdida ta’ vjaġġaturi internazzjonali.
Preżenti l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli e qalet kif dan hu eżempju ieħor ta’ kif Malta qed tattira investimenti tal-aqwa livelli li dan jorbot id f’id mal-istrateġija tal-Gvern Malti li tiffoka fuq prodott turistiku ta’ eċċellenza.
Il-lukanda se tiftaħ il-bibien tagħha nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 2020.