Sa Ottubru, pajjiżna attira aktar investiment dirett barrani mis-sena l-oħra li kienet sena straordinarja ekonomikament.
Danminkejja l-isfidi li ħolqot il-pandemija madwar id-dinja.
Dan stqarru l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fil-Parlament waqt l-estimi tal-budget.
Il-Ministru Schembri ħabbar li twaqqaf working group li identifika żewġ fabbriki kbar f’Ħal Far li mhumiex jiġu utilizzati bil-għan li jiġu rranġati f’numru ta’ kumpaniji żgħar li jistgħu jiġu utilizzati minn investiment dirett barrani.
Huwa stqarr: “L-iskop hu li dawn il-proġetti li ġew approvati matul dawn l-aħħar tliet snin nibdew immedjatament naħdmu fuqhom ħalli nakkomodawhom f’pajjiżna u jibdew l-operat tagħhom. Hemmhekk qed nikkalkulaw li hemm disa’ proġetti li nkunu nistgħu nakkomodaw f’dawn l-ispazji. Dawn il-proġett waħedhom qed nikkalkulaw u huwa prevvist li jikkreaw mal-mija u ħamsin impjieg ġdid u madwar investiment ta’ seba’ miljun ewro.”
Intant, id-deputat Laburista Miriam Dalli sostniet li pajjiżna huwa pajjiż attraenti għall-investituri għaliex il-pajjiż irnexxielu jsostni lilu nnifsu waqt mument ta’ sfida.
Hija qalet: “Mill-pajjiżi kollha madwar id-dinja, pajjiżna kellu l-aktar rispons b’saħħtu bi spiża ta’ kważi għoxrin fil-mija tal-ekonomija Maltija biex issostni l-impjiegi u n-negozji u r-riżultati, sinjura president, ma jiġux waħedhom. Jiġu għax il-pajjiż ikollu pjan biex jindirizza l-isfidi tal-mument u għaliex jippjana għall-futur. Pajjiżna kien u għadu attraenti.”
Dan filwaqt li d-deputat Laburista Clyde Caruana tenna li l-Gvern kien kapaċi jilqa’ d-daqqa tal-pandemija għall-kuntrarju ta’ dak qed jiżvolġi madwar id-dinja.
Huwa qal: “Issa li ġejna fis-siegħa tal-prova, dan il-Gvern kien kapaċi għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra illi jagħti s-sostenn meħtieġ lill-ekonomija tal-pajjiż.”