Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius iddefenda l-mod kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech indirizza l-Parlament biex wieġeb għall-budget għas-sena d-dieħla.
Grech affaċċja kritika anke minn ġurnali lokali dwar id-diskors tiegħu dwar il-budget.
Skont David Agius, Bernard Grech kien eċċitat.
Qal, “U ftit ġranet wara jkollok sagħtejn speech ta’ budget, mhux l-aktar ħaġa faċli fid-dinja, dak li jkun, l-eċitament se jkun hemm.”
David Agius qal dan kollu waqt il-programm Follow Up f’dibattitu mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef li nnota kif Agius żamm lura u lanqas hu ma kien impressjonat b’Bernard Grech.
Qal li “Mill-analiżi li għamel David jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas lil David ma għoġob!”
Fil-programm, saret wkoll domanda lil David Agius, dwar il-pożizzjoni tal-Kap fuq il-fatt li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi bħalissa qed jirrappreżenta l-għaqda Repubblika f’Qorti Ewropea, f’każ kontra l-ħatriet tal-ġudikanti f’Malta.
Wara li Jason Azzopardi kien fetaħ denunzja kontra s-suldati, il-Brigadier u l-Prim Ministru fejn akkużahom bi qtil ta’ immigranti, u imbagħad kien qal li se jibda jikkonsulta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq kif xogħlu t’avukat jolqot lill-Partit, David Agius ma kienx jaf iwieġeb dwar jekk fuq din il-kawża l-ġdida fuq il-ħatriet tal-ġudikanti, Jason Azzopardi tkellimx ma’ Bernard Grech qabel.
Hu qal, “U fil-futur, qal u kkommetta ruħu li se jikkonsulta mal-Kap tal-PN qabel jieħu ċertu xogħol li jista’ jimpatta l-Partit. Ikkonsulta ma’ Bernard Grech? U jekk iva, Bernard Grech huwa kuntent li Jason Azzopardi qed jirrappreżenta lil Repubblika f’dan il-każ?
Jekk illum sarx jew intalabx dak il-permess, jien mhux infurmat.”