Miljuni ta’ Amerikani qed jivvutaw, biex il-vot tagħhom jiżdied ma’ dak tad-disgħa u disgħin miljun persuna li diġà għażlu lil min iridu President fl-elezzjoni li qed issir fl-Istati Uniti.
L-għażla hi bejn Donald Trump, ta’ erbgħa u sebgħin sena, u Joe Biden ta’ sebgħa u sebgħin sena.
Iż-żewġ kandidati qattgħu l-aħħar sigħat tal-kampanja fit-tiġrija biex jokkupaw l-ogħla kariga fil-White House, jikkonvinċu lill-votanti fi stati meqjusa kritiċi.
Biden ikkampanja f’Pennsylvania u Ohio, filwaqt li Trump kien f’Wisconsin, Michigan, North Carolina u Pennsylvania.
Stħarriġ nazzjonali tal-opinjoni pubblika juri lil Biden fuq quddiem, imma t-tiġrija hija meqjusa bħala waħda viċin ħafna hekk kif hemm ċertu stati meqjusa deċisivi għar-riżultat.
Il-votazzjoni bikrija rekord xprunata mill-pandemija wasslet biex l-Istati Uniti għandha l-ogħla turnout elettorali f’aktar minn ċentinarju.
L-elezzjoni qed issegwi l-agħar ġimgħa għall-Amerka fejn jidħlu infezzjonijiet ġodda tal-Coronavirus, b’aktar minn elf persuna qed imutu kuljum.
Biex ikun elett President, kandidat irid jirbaħ minn tal-inqas mitejn u sebgħin vot f’dak imsejjaħ bħala l-kulleġġ elettorali. Kull Stat Amerikan jingħata numru ta’ voti bbażat fuq il-popolazzjoni, minn total ta’ ħames mija u tmienja u tletin vot.
L-ewwel indikazzjoni tar-riżultat mistennija toħroġ fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa meta joħorġu l-indikazzjonijiet ta’ fejn marru l-voti tal-istati l-kbar.