Gianluca Caruana Curran, l-avukat difensur tan-negozjant Yorgen Fenech, allegatament prova jxaħħam il-ġurnalist tat-Times, Ivan Martin.
Dan ġie rappurtat fi storja li ppubblikat it-Times stess fejn intqal li Ivan Martin m’aċċettax bejn tnejn u erba’ karti tal-flus tal-ħames mitt ewro li ngħataw lilu minn iben Giannella De Marco wara laqgħa.
Giannella De Marco hija oħt id-deputat Nazzjonalista Mario Demarco u tiġi s-sieħba tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler.
Intant, il-ġurnalist Ivan Martin irrakkonta li l-laqgħa kienet twila biss għoxrin minuta u fiha ħa sehem ukoll l-avukat Charles Mercieca. Hu qal li ma jafx eżatt kemm il-karta ta’ flus ingħata għaliex tahom lura lil Caruana Curran minnufih.
Fi stqarrija Caruana Curran qal li kien Ivan Martin li ta l-impressjoni li setgħu jagħmlu użu mis-servizzi tiegħu biex ikunu jistgħu jinnewtralizzaw ir-rappurtaġġ mill-midja dwar il-każ li jimplika lil Yorgen Fenech bħala l-allegat mandant wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-avukat difensur ta’ Yorgen Fenech qal li waqt il-konversazzjoni ta’ bejniethom Ivan Martin stqarr li t-Times of Malta tinsab taħt il-ħakma tal-familja Caruana Galizia u kull artiklu li jkollu kitba li tiffavorixxi lil Yorgen Fenech tiġi immedjatament ċensurata u mneħħija.
Allegazzjoni li Ivan Martin flimkien mat-Times of Malta ċaħdu.
Fl-istqarrija kien allegat ukoll li Ivan Martin qalilhom li Jason Azzopardi kien qed jikkuntattjah kontinwament biex isaqsih dwar il-movimenti u l-kuntatti tad-difiża filwaqt Martin stqarr li hu jemmen minn konversazzjoni li kellu ma’ Jason Azzopardi, li l-infomazzjoni illikjata kienet qed toħroġ mid-ditta ta’ De Marco.