Ryan Mercieca, tefa’ n-nomina tiegħu biex jikkontesta l-elezzjoni każwali għas-siġġu parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li kien okkupat minn Frederick Azzopardi, li miet ix-xahar li għadda.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn qal li ma jridx lil Mercieca jikkontesta u jirrappreżentah fil-Parlament u saħansitra bdew proċeduri biex Mercieca jitkeċċa mill-partit fuq akkużi li kkopja partijiet minn teżijiet oħra u daħħalhom fit-teżi tiegħu.
Fi stqarrija li ħareġ mal-għeluq tan-nominazzjonijiet għand il-Kummissjoni Elettorali, Ryan Mercieca sfida lill-Partit Nazzjonalista u qal li huwa ssottometta l-kandidatura tiegħu fuq it-tlettax-il distrett.
B’diskors dirett lejn il-Partit Nazzjonalista, Mercieca qal li l-politika ssir billi niddiskutu ideat ta’ kif nelevaw is-soċjetà u mhux noħolqu konġuri biex neskludu n-nies.
Ryan Mercieca nzerta wkoll l-aktar wieħed li għandu voti mill-kandidati kollha li baqgħu ma ġewx eletti fuq id-distrett Għawdxi u b’hekk għandu ċans li jsir hu membru parlamentari.
Biex jobdi l-ġudizzju tal-establishment Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jissogra jnaqqas ir-rappreżentanza tad-Deputati Għawdxin mill-grupp Parlamentari tiegħu.
Fil-fatt l-eks chief of staff t’Austin Gatt Manuel Delia kellu opinjoni differenti u minkejja l-eliġibbiltà tiegħu biex jikkontesta, Delia kiteb kontra l-kandidatura ta’ Mercieca.
Wara din il-kitba, il-partit immexxi minn Bernard Grech ħareġ kontra Ryan Mercieca.
Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-aġir tal-Partit Nazzjonalista fejn hemm liġi li tgħodd għall-allat u oħra għall-annimali.
Qal, “In-nuqqas tieghu nerġa’ ma niddefendihx kien li żamm flus mingħand in-nies u flok għaddihom li min kien obbligat li jgħaddihom żammhom għandu. Lil ħadideħor li għamel l-istess ħaġa u ġabar il-flus mingħand in-nies u żammhom hu flok għaddihom bħala taxxa żammhom għandu, għamluh Kap.”
Tul din il-leġislatura, ir-rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex rat bidliet kbar hekk kif tul is-snin irriżenjaw Marthese Portelli u David Stellini biex it-tnejn jibdew jokkupaw karigi oħra.
Għas-siġġu ta’ Frederick Azzopardi kkontestaw ukoll erba’ kandidati oħra.