In-nefqa soċjali tal-Gvern żdiedet b’aktar minn €63 miljun fl-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena.
Dan ħareġ minn informazzjoni mogħtija mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, in-nefqa f’benefiċċji tas-sigurtà soċjali laħqet it-€816.2 miljun.
Dan ifisser żieda ta’ 8.4% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra.
In-nefqa fuq il-benefiċċji kontributorji ammontat għal €670.5 miljun.
€14.5 miljun minn din is-somma marret għall-benefiċċji marbuta mal-imxija.
In-nefqa fuq benefiċċji kontributorji żdiedet bi kważi 10%.
Żidiet oħra fin-nefqa ta’ benefiċċji kontributorji ġew innutati fil-pensjonijiet tal-irtirar (+€32.8 miljun) u dawk tar-romol (+€4.8 miljun).
In-nefqa tal-Gvern f’benefiċċji mhux kontributorji fl-ewwel disa’ xhur tas-sena laħqet €145.6 miljun, żieda ta’ 2.7% fuq l-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra.
L-għotja għall-persuni b’diżabilità kienet l-aktar waħda li rat żieda fejn żdiedet bi kważi €2 miljun.
Kien hemm żieda wkoll fl-in-work benefit li ammontat għal €1.2 miljun aktar mis-sena l-oħra.
Iċ-children’s allowance, kien l-aktar benefiċċju li gawdew minnu nies, bi ftit aktar minn 44,400 familja gawdew minn dan il-benefiċċju.
L-NSO innota wkoll li fit-tielet kwart ta’ din is-sena n-nefqa fil-benefiċċji soċjali kienet kważi €20 miljun iżjed mit-tielet kwart tas-sena l-oħra.
Bejn Lulju u Settembru li għadda, in-nefqa fil-benefiċċji soċjali kienet iżjed minn kwart ta’ biljun ewro (€260.8 miljun).