L-Ambaxxatriċi Maltija fl-Awstrija, Natasha Meli Daudey kkonfermat li sa issa ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ Maltin li ndarbu jew intlaqtu b’mod dirett mill-attakk terroristiku fi Vjenna.
F’kummenti ma’ ONE News, l-Ambaxxatriċi Maltija fi Vjenna spjegat li s-sitwazzjoni llum hija kalma, għalkemm hemm ċertu tensjoni minħabba li t-tfittxijiet għall-aggressur l-ieħor għadhom għaddejjin.
Spjegat kif l-attakk terroristiku fi Vjenna seħħ sigħat biss qabel mal-Awstrija imponiet restrizzjonijiet nazzjonali biex tikkontrolla l-firxa tal-COVID-19, u għalhekk kienu ħafna li kienu fi stabbilimenti u ristoranti qabel għalqu l-bibien tagħhom f’nofsillejl.