Dan huwa budget tal-ħaddiem u tax-xogħol għall-10 snin li ġejjin, f’pajjiż immexxi minn gvern li jimpurtah mill-ħaddiema u li dejjem jagħmel aktar għalihom.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet immexxija mill-Ministru Carmelo Abela li fiha ġew spjegati aktar inċentivi li tħabbru fil-bugdet għas-sena d-dieħla.
Hawnhekk, il-Ministru Abela qal li l-gvern baqa’ f’kuntatt mas-sħab soċjali fit-tfassil ta’ dan il-budget, fejn ittieħdu bosta miżuri bħal tax rebate għal kull min jaħdem, il-vouchers, u t-titjib fl-in work benefit u ċ-children’s allowance. Il-gvern impenja ruħu wkoll li jgħin eks ħaddiema tat-tarzna li minħabba xogħolhom sofrew danni ta’ saħħa.
Il-Ministru semma wkoll iż-żieda ta’ ġurnata leave oħra għal kull ħaddiem Malti u Għawdxi. Dan se jagħmel tajjeb biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna, kif ukoll jagħmel tajjeb għall-inġustizzji li saru lill-ħaddiema minn gvernijiet ta’ qabel.
Il-gvern issa huwa kommess li joħloq qafas legali dwar il-ħidma remota li jagħti serħan il-moħħ kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem. Hawn il-Ministru spjega li l-ħidma remota hija innovattiva għal pajjiżna fejn ħaddiem jista’ jaħdem minn post ieħor, li joħloq aktar flessibilità.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li dan hu budget li jaħseb għall-preżent u jippjana l-futur. Qal li issa l-gvern se jiffoka fuq qasam diġitali aktar b’saħħtu, biex verament Malta jkollha ekonomija reżiljenti li tiflaħ għad-daqqiet.
Mis-sena d-dieħla se tkompli l-ħidma fuq l-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali fosthom fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-trasport. Dan apparti li se ssir ħidma biex Malta tkun pijunier fl-eSports u l-iżvilupp tal-logħob diġitali.