Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma jirriżultalux li fil-Kabinett tiegħu hemm kriminal.
Il-Prim Ministru qal dan it-Tnejn filgħodu barra Kastilja waqt mistoqsijiet mill-Maltatoday b’reazzjoni għall-intervista ta’ Jason Azzopardi, is-Sibt fuq ir-radju tal-Knisja.
Mistoqsi dwar dawn l-allegazzjonijiet li għamel id-deputat Nazzjonalista, il-Prim Ministru qal li dan ma jirriżultalux.
“Dik hija konklużjoni li lili ma tirriżultalix. Kieku jirriżultali dak li għadek kif għidtli inti ibqa’ ċerta u żgura li d-deċiżjonijiet kif għamilt dejjem nibqa’ noħodhom minnufih, immedjatament u anke jekk ikunu deċiżjonijiet li jweġġgħu. Jien għandi responsabbiltà primarja li nippriserva l-integrità tal-Gvern.”
Intant il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar l-aġir potenzjalment kriminali ta’ Jason Azzopardi hekk kif qed jagħmel allegazzjonijiet li jistgħu jxekklu l-ħidma fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
“L-onorevoli Jason Azzopardi qiegħed potenzjalment jikser l-artikolu 133 tal-kodiċi kriminali jiġifieri potenzjalment qed iwettaq reat serju li jikkonsisti f’li qed jikxef jew allegatament jikxef informazzjoni jew allegata informazzjoni fil-pussess tiegħu u b’hekk qiegħed jikxef il-ħidma tal-pulizija. B’hekk qed jipprova jimmina l-investigazzjoni tal-Pulizija. Dan mhuwiex aġir aċċettabbli għal min jemmen fis-saltna tad-dritt u l-ġustizzja.”
Il-Prim Ministru sostna li huwa jevalwa s-sitwazzjoni u jaġixxi fuq il-kelma tal-Kummissarju tal-Pulizija u mhux fuq dik ta’ Jason Azzopardi.
“Jien naġixxi meta l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi għandi u jgħidli li hemm lok li jiena nieħu deċiżjoni jew oħra. Żgur li mhux se nieħu deċiżjoni li tikkonċerna l-kompożizzjoni tal-Kabinett abbażi ta’ dak li jgħid id-deputat imsemmi.”