Għall-budget tas-sena d-dieħla l-gvern qabel fuq defiċit ta’ mhux aktar minn 5.9%, biex il-gvern imur pass ‘il quddiem mid-dħul normali tiegħu biex jissellef, u jkollu spazju raġjonevoli biex xorta jwieżen lill-familji u n-negozji.
Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna meta kien qed jispjega aktar miżuri li tħabbru fil-Budget 2021.
Fosthom semma l-estensjoni tal-pensjonijiet privati biex jintlaħqu iżjed nies u anke r-rifużjoni fit-taxxa, fejn dawk li għandhom l-anqas dħul minn impjieg se jkollhom l-ogħla ammont ta’ rifużjoni tat-taxxa.
Il-Ministru Scicluna semma l-importanza li l-Gvern f’dan iż-żmien, joħloq l-investiment, anke f’oqsma bħall-kostruzzjoni. Se jitħalla f’postu wkoll il-moratorju fuq self fuq propjetà mill-banek.
Miżura oħra li se tolqot lil bosta sidien ta’ negozji hija l-eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT, li minn €20,000 issa telgħet sa €30,000.
Hawnhekk, il-Ministru Scicluna semma wkoll il-Green Bond, miżura li se tixpruna lin-negozji jibdew iħarsu lejn ekonomija ħadra bi ħlasijiet aktar baxxi mill-Borża ta’ Malta. Din hija wkoll inizjattiva li qed tittitħed fuq skala Ewropea.
Qal kif, “Min-naħa tagħna hawnhekk, dejjem konna attenti u fejn kien hemm bżonn infaqna. Ma esaġerajniex, u filfatt għamilna surplus. Issa, li għandna bżonn nonfqu se nonfquh. Iddeċidejna fuq defiċit ta’ 5.9% li se jagħtina l-ispazju biex ngħinu lill-familji u n-negozji fi żmien daqshekk diffiċli. “
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-budget imħabbar jiem ilu huwa wieħed straordinarju, mhux biss minħabba l-miżuri li fih iżda wkoll minħabba l-atmosfera li fih kellu jinħadem.
Fakkar kif snin ilu l-istampa kienet differenti ferm għall-pajjiż, u dan kien rifless fil-miżuri mħabbra f’budgets ta’ gvernijiet Nazzjonalista, fosthom f’ambjent ta’ defiċit eċċessiv fil-pajiż.
Il-Ministru qal li għal kuntrarju, il-Gvern ħareġ bi pjan sostenibbli li bih kien se jiggarantixxi wkoll li ma jgħabbix lill-poplu b’piż ta’ xi taxxi ġodda. Filfatt, mitt elf impjieg ġew salvati grazzi għal dan il-pjan.
Il-Ministru Silvio Schembri sostna li Malta xorta rnexxielha tattira l-investiment.
Spjega li “Il-kompetittività tagħna toħroġ mill-fatt li peress li fil-passat, faddalna bħala pajjiż, issa għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, il-flus qed ninvestuhom fl-infrastruttura industrijal biex nikkreaw aktar ġid. Pajjiżi oħra qed jużaw il-flus biex iħallsu l-imgħaxx fuq id-dejn. Aħna qed nużawhom biex ngħinu.”
Schembri temm jgħid li dan il-budget li tħabbar l-aħħar mhux pjan ta’ azzjoni għal pandemija, iżda huwa bbażat fuq viżjoni ekonomika.
Dwar l-ambjent, semma kif l-ispazji industrijali għandhom jirrispettaw ukoll il-bżonn ta’ spazji ħodor fi ħdanhom.