Il-produtturi ta’ film Taljan b’nefqa ta’ tliet miljun ewro għażel lil Malta bħala l-post għall-ġbid tiegħu.
Dan il-film bl-isem ta’ Repubblica dell’Isola delle Rose, u li ħa jintwera fuq Netflix huwa bbażat fuq storja vera ta’ inġinier li fl-elf disa’ mija u tmienja u sittin bena gżira ħdax-il kilometru ‘l barra mill-Italja u ddikjaraha indipendenti, f’dik li kienet sfida diretta lill-awtoritajiet Taljani.
Din il-produzzjoni ħa tibbenefika mill-inċentivi ta’ rifużjoni tal-flus taħt parti minn skema offruta mill-Kummissjoni Maltija għall-Films.
Il-Produttur ta’ dan il-film, Piergiuseppe Serra, qal li għażel lil Malta bħala l-bażi ta’ fejn jinħadem il-film għaliex Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li tista’ tissodisfa l-produzzjoni tiegħu.
Spjega li, “First reason is the infinity pool because we are producing a film on an island, you can see this and we have to build this island in the middle of the pool, in the middle of the water, in the middle of the ocean. This is the only location where you can do this in all of Europe”
F’dan il-film qed jaħdmu bosta atturi, fosthom l-attur popolari Tom Wlaschiha, li kien fis-serje dinjija Game of Thrones.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, esprimiet sodisfazzjon li għal darb’oħra film bi produzzjoni ta’ kwalità għażel lill-gżejjer Maltin bħala l-bażi għall-produzzjoni tiegħu. Żiedet tgħid ukoll li bħala pajjiż, ħa nkomplu nistinkaw biex nattiraw iżjed produzzjonijiet ta’ dan it-tip.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, saħaq li l-fatt li lqajna l-ewwel produzzjoni internazzjonali ta’ Netflix turi l-frott ta’ ħidma għaqlija li qed ssir.