Biex jobdi l-ġudizzju tal-establishment Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jissogra jnaqqas ir-rappreżentanza tad-Deputati Għawdxin mill-grupp Parlamentari tiegħu.
Wara l-mewt tad-Deputat Frederick Azzopardi, il-Kummissjoni Elettorali qed torganizza elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu vakanti tiegħu.
Kandidat li huwa eliġibbli għal din l-elezzjoni każwali huwa Ryan Mercieca, li nzerta wkoll l-aktar wieħed li għandu voti mill-kandidati kollha li baqgħu ma ġewx eletti fuq id-distrett Għawdxi.
Tul din il-leġislatura, ir-rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex rat bidliet kbar hekk kif tul is-snin irriżenjaw Marthese Portelli u David Stellini biex it-tnejn jibdew jokkupaw karigi oħra.
Fil-ħamsa u għoxrin t’Ottubru li għadda d-Deputat Għawdxi Chris Said kien ħeġġeġ lill-Kummissjoni elettorali biex tmexxi bl-elezzjoni każwali hekk kif skont hu Għawdex kellu bżonn rappreżentanza Nazjzonalista Għawdxija. Said implika wkoll li kien hemm xi nies li xtaqu li minflok il-proċess Demokratiku ta’ elezzjoni każwali kellha ssir co-option, xi ħaġa li ma niżlitlu xejn sew.
Madankollu Manuel Delia kellu opinjoni differenti u minkejja l-eliġibbiltà tiegħu biex jikkontesta, l-eks chief of staff ta’ Austin Gatt kiteb kontra l-kandidatura ta’ Mercieca għax fl-2019 Mercieca kien inqabad jikkopja partijiet minn teżijiet oħra u daħħalhom fit-teżi tiegħu, xi ħaġa li għamel ukoll Deputat Nazzjonalista attwali fil-passat. Fl-2018, Mercieca kien instab ħati wkoll ta’ misapproprijazzjoni.
Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka dwar dan l-aġir tal-Partit Nazzjonalista fejn hemm liġi li tgħodd għall-allat u oħra għall-annimali.
Qal li, “La ffalsifika dokument ma nistax niddefendih imma l-ironija illi li deputat ewlieni tal-PN li qiegħed fuq quddiem nett tal-Partit il-ġdid ta’ Bernard Grech kien ukoll iffalsifika dokument uffiċjali.”
Dr Abela sostna wkoll li l-aġir passat ta’ Bernard Grech ma jawgura xejn sew, mal-argumenti li ressaq hu stess.
Sostna li, “In-nuqqas tieghu nerġa’ ma niddefendihx kien li żamm flus mingħand in-nies u flok għaddihom li min kien obbligat li jgħaddihom żammhom għandu. Lil ħadideħor li għamel l-istess ħaġa u ġabar il-flus mingħand in-nies u żammhom hu flok għaddihom bħala taxxa żammhom għandu, għamluh Kap.”
Il-kitba ta’ Manuel Delia ħalliet impatt hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma jridx lil Mercieca jkun deputat u saħansitra jrid ikeċċih.
Għal dan kollu Mercieca xorta mistenni jikkontesta l-elezzjoni każwali.