Il-Maltin se joħorġu mat-tmenin elf ewro fi spejjeż legali f’kawża mressqa fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mill-għaqda Repubblika u mmexxija minn Jason Azzopardi.
F’din il-kawża, l-għaqda Repubblika, fergħa tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, qed titlob li jitħassru l-aħħar ħatriet fuq il-bank tal-ġudikatura. Dan anke jekk dawn il-ħatriet saru skont l-emendi Kostituzzjonali li qabel magħhom il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, u li għandhom il barka tal-Kummissjoni Venezja.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li qalet kif dan juri biċ-ċar li l-Oppożizzjoni żammett l-istess mentalità li tkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra minn xtutna, u li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech qiegħed jiġi mmexxi mill-istess klikka ta’ Jason Azzopardi.
Waqt seduta fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, sostna li l-membru Parlamentari, Jason Azzopardi għandu jistħi għad-diversi kunflitti t’interess li għandu bħala rappreżentant legali tal-għaqda Repubblika f’każ legali kontra pajjiżu stess. Hawnhekk il-Ministru spjega wkoll li l-ispejjeż legali li se joħorġu mill-bwiet tal-Maltin minħabba din il-kawża huma ta’ madwar tmenin elf ewro.
Minkejja l-bsaten fir-roti mill-Partit Nazzjonalista, il-Ministru Zammit Lewis tenna li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba f’pajjiżna.
Intant aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-importanza ta’ din l-emenda fil-liġi u l-poter li hu bħala Prim Ministru ċeda permezz tal-istess emenda.
Qal kif, “Il-metodu ta’ ħatra tal-ġudikatura, l-Imħallfin, il-Maġistrati. Irħejt is-setgħa kollha li nies bħal Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi ma kienux joħolmu. Ara taħseb li kienu se joħolmu li jneħħuha għax ittik saħħa kbira. Jien ċedejtha kompletament.”