“Irridu naraw il-mina bejn Malta u Għawdex hemmx verament bżonnha.” Hekk stqarr il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd filgħodu. Dan għalkemm saħaq li l-konnettività bejn Malta u Għawdex hija kruċjali.
Qal li, “Allura ejjew naraw sewwa illum mhux jekk hix l-aħjar soluzzjoni imma wkoll naraw jekk verament hemmx bżonnha u jekk hemmx soluzzjonijiet aħjar.”
Il-Ħadd filgħodu Dr. Bernard Grech reġa’ qajjem id-dubji dwar jekk il-mina bejn Malta u Għawdex hemmx bżonnha. Dan għalkemm fid-dokument ta’ qabel il-budget maħruġ ftit tal-ġimgħat ilu mill-istess Partit li jmexxi, jisħaq li l-proċess għall-mina permanenti bejn Malta u Għawdex ikun komplut. Xi ħaġa li nnota wkoll il-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors li għamel b’replika għall-budget.
Fejn qal, “Fuq il-permanent link tafu x’għedtu, ħa naqra ħalli żgur ma niżbaljax; The continuation of the permanent link project between the two islands. Jiġifieri ftit tal-jiem ilu qalulna li jrid ikun hemm il-kontinwazzjoni tal-proġett tat-tunnel bejn Malta u Għawdex.”
Intant, fi stqarrija l-Partit Laburista innota l-inkonsistenza tal-oppożizzjoni fuq il-mina bejn Malta u Għawdex. Proġett li mhux biss ivvutat favurih l-oppożizzjoni Nazzjonalista iżda wkoll kien wiegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista. L-istqarrija temmet tgħid li mal-oppożizzjoni ma tafx fejn int filwaqt li ma’ dan il-Gvern mhux biss tkun taf fejn int iżda joffri wkoll tama u serħan il-moħħ.
Fl-intervista għal darba oħra reġa’ ammetta li d-diskors li għamel fil-parlament it-Tnejn b’replika għall-budget ma kienx kollu tiegħu, iżda kien hemm nies oħra warajh. Stqarr li d-diskors kien tiegħu biss għax qrah hu.
Qal li, “U qed ngħid kull darba għidna, d-diskors kien tiegħi għax jiena qrajtu.”
“Qiegħed niddelega iktar, jiena bniedem illi kif diġa għidt anke fil-qasam tal-ideat tal-politika, xejn ma jibda u jispiċċa minni.”
Ftit tal-jiem ilu wkoll, fuq programm fuq l-istazzjon nazzjonali Bernard Grech kien stqarr li d-diskors kien ħallih f’idejn grupp ta’ persuni u li għalhekk kien iddelega x-xogħol tal-kitba tad-diskors tiegħu.
Qal, “Iva jien kelli tim ta’ persuni li jiena nafda. Tim ta’ persuni li ġew bl-għan li jgħinu lili u lill-Partit biex jiżviluppa ruħu, biex jimxi ‘il quddiem u jiena fdajthom u ddelegajt biex flimkien jiktbu partijiet tal-Budget. Magħhom umbgħad jiena rajt dak li kitbu,” u meta kien mistoqsi kitibx biċċa, hu qal “Jiena ktibt ukoll partijiet.”
Fl-intervista Bernard Grech stqarr ukoll li Gvern Laburista f’seba’ snin m’għamel xejn fil-qasam tal-akkomodazzjoni u għalhekk ħafna nies f’pajjiżna ma jistgħux illum jixtru djarhom.
Hu qal li, “Fil-qasam tal-akkomodazzjoni m’għamel xejn jew jekk għamel, għamel veru ftit li xejn.”
Dan jikkuntrasta bil-bosta ma statistika maħruġa mill-uffiċju nazzjonali tal-istatistika li wriet li f’seba’ snin, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kiber b’26.5%. Dan hekk kif fuq medda ta’ seba’ snin kien hemm żieda ta’ 31,704 familji li kienu sidien ta’ djarhom. Ikompli jikkuntrasta mal-istqarrijiet ta’ Grech il-fatt li l-istatistika ssemmi kif fl-2019 kienu 78% tal-familji li stqarrew li l-ispejjeż fuq id-djar mhuma tal-ebda xkiel.