Fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, indirizza attività politika bit-tema Malta Nħarsu ’l Quddiem.
Fost l-oħrajn, huwa tkellem dwar il-pandemija u l-effetti li ħalliet fis-suq tax-xogħol.
Qal kif, “Pajjiżna ġie ċċertifikat li f’dawn l-aħħar erba’ xhur kellu l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. Mhux biss l-anqas rata ta’ qgħad imma l-aktar punt importanti li filwaqt li fiż-żona ewro żied il-qgħad, f’pajjiżna naqas.”
Hawnhekk huwa rrefera għal pajjiżi u ekonomiji kbar bħall-Ġermanja, fejn għall-kuntrarju ta’ dak li ġara f’pajjiżna, ir-rata ta’ qgħad f’dawn il-pajjiżi baqgħet tgħolli rasha.
Dr Abela sostna li l-ewwel budget tiegħu huwa proġett ta’ għaqda nazzjonali.
Spjega li, “Il-proġett ta’ poplu tan-nies, negozji, Gvern li flimkien ngħaqadna f’għaqda nazzjonali li tiġbor fiha firxa ta’ nies biex flimkien nagħtu futur aħjar lill-poplu tagħna.”
Fuq kollox stqarr li dan kien budget ta’ viżjoni.
Qal li, “Tajna t-tama u kuraġġ lin-nies, budget tama ta’ kuraġġ u vizjoni.”
Il-Mexxej Laburista rrefera wkoll għad-diskors moqri mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Qal li fid-diskors tiegħu, Bernard Grech iddeċieda li ma jiddeċidix.
Qal kif, “Ġejna għar-reazzjoni tal-Kap tal-PN u ma tistax tifhem x’pożizzjoni ħa. Biċċa iva, biċċa le, biċċa kontra, biċċa jiġbed ftit lura. Dik, deċiżjoni biex ma jiddeċidux.”
Huwa semma l-eżempju tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex, b’Bernard Grech baqa’ jilgħab bid-diskors u minkejja l-vot fil-Parlament, baqa’ ma ħax pożizzjoni dwar din il-materja tant importanti.
Dr Abela kkritika wkoll l-attitudni li ħa Grech fil-konfront tal-iskema tal-vouchers.
Sostna li, “Il-miżura tal-vouchers waħedha ġġenerajna konsum daqs kemm kienu jiġġeneraw 40,000 turist is-sena li għaddet, dak is-saħħa.”
Il-Prim Ministru sostna kif dan wasal grazzi għall-interventi effettivi u f’waqthom li ħa l-Gvern tul dawn l-aħħar xhur.