Il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-Kamp Emerġenza Ambjent qed isejħu protesta nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru fil-10:30am f’Manoel Island. Dan sabiex jisħqu li l-aċċess għandu jinfetaħ immedjatament.
Fi stqarrija qalu li l-MIDI ilhom 16-il sena illegalment iċaħħdu lin-nies minn Manoel Island. Issa wasal iż-żmien li nuru li mhux aċċettabli li l-MIDI jkomplu jiddieħku bina u neżiġu li l-aċċess jinfetaħ immedjatament.
Waqt il-laqgħa Eżekuttiva li seħħet fil 15 ta’ Settembru, is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché ippropona mozzjoni li ġiet approvata unanimament mill-Kunsill, biex Manoel Island terġa’ tifforma parti mill-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gżira b’effett immedjat.
Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata lill-Ministru Owen Bonnici kif ukoll lid-Direttur tal-Gvern Lokali, biex jiġi emendat l-Att 363 tal-Ligijiet ta’ Malta.
Fi stqarrija l-Kunsill qal li l-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gżira ġiet limitata sa wara l-pont ta’ Manoel Island. Il-Kunsill qed jisħaq li b’hekk seħħet anomalija, għax art li teċċedi 299,467 metri kwadri, 28 metru biss ’il-bogħod mill-Gżira b’aċċessi u zoni pubbliċi ma taqax taħt ir-responsabiltà u l-governanza ta’ Kunsill Lokali.
Dan hu kuntrarju għal Tigné li jifforma parti minn tas-Sliema u li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.