“Minn Marzu ‘l hawn l-awtoritajiet Libjani żammew 5,000 immigrant milli jaslu Malta.”
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet ta’ wara l-Budget mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.
Fl-isfond sabiħ tal-Port il-Kbir, mill-Forti Sant Anġlu, il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar il-ħidma kbira li saret fl-aħħar xhur mal-awtoritajiet Libjani sabiex tissolva l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Spjega li Malta ħadmet ukoll sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Libja sabiex mhux biss tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni imma biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ investiment b’saħħtu.
Huwa saħaq ukoll fuq il-prinċipji tan-newtralità u l-paċi b’rabta mar-relazzjonijiet diplomatiċi.
Tkellem ukoll dwar it-terremot fit-Turkija hekk kif spjega li ma hemm l-ebda Malti li weġġa’ f’dan it-terremot.
B’rabta mal-Budget 2021, il-Ministru Bartolo saħaq li Malta se tibqa’ taħdem sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha ma’ iktar pajjiżi madwar id-dinja.
Hawnhekk il-Ministru spjega li malli tgħaddi l-pandemija hemm pjanijiet sabiex saħansitra tinfetaħ ambaxxata fil-Brażil ħalli jitjiebu r-relazzjonijiet diplomatiċi Maltin fl-Amerka t’Isfel.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Pajjiżna jaqbillu jkun newtrali għax ifisser li jista’ jkollu ħbiberija mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi u aħna hekk irridu mhux biss ma’ pajjiżi ġirien kemm Ewropej u kif ukoll tal-Afrika ta’ Fuq bħal-Libja imma wkoll niżviluppaw relazzjonijiet aktar qawwija ma’ pajjiżi Afrikani fejn hemmhekk hemm opportunitajiet li jkunu tajbin għall-pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif grazzi għall-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej ta’ €2.27 biljun pajjiżna issa għandu l-kapaċitajiet kollha sabiex iwettaq l-investiment neċessarju biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Hawnekk spjega kif €112 miljun mill-fondi ta’ rkupri se jkunu qed jintefqu fil-Covid Wage Supplement.
Spjega wkoll kif bħalissa qed jitfassal pjan ta’ kif ser jintefqu l-€220 miljun li nkisbu taħt il-kappa tal-RRF. Fil-fatt spjega kif fost oħrajn 20% minnhom se jkunu allokati għall-qalba diġitali tal-ekonomija u 37% se jmorru għall-ekonomija ħadra u l-green deal.
10% tal-Fond tal-koeżjoni u l-fond agrikolu se jkunu qed jintefqu f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal: “Bħalissa qegħdin għaddejjin bil-proċess ta’ ippjanar biex kemm dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Fondi li ġew mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-Budget għas-7 snin isir ippjanar biex nilħqu l-aqwa miri ħalli nkomplu nsostnu dik it-triq li qabad pajjiżna.”