‘Kien budget straordinarju fi żmien straordinarju’. Dawn kienu kliem il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis waqt l-estimi finanzjarji ta’ dan il Ministeru għall-budget tas-sena d-dieħla.
Spjega wkoll kif l-Organizazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku, l-OECD, antiċipat li l-ekonomija Maltija se tiċkien bi ftit iktar minn nofs ta’ dik tal-bqija tal-pajjiżi fl-Ewropa.
Il-Ministru Zammit Lewis semma r-riformi legali li saru u li se jibqa jagħmel Gvern Laburista favur iktar effiċjenza fil-ġustizzja.
Qal kif, “Investiment fi Strada Stretta l-Belt ta’ 2.2 miljuni. Qed naħsbu biex ikollna erba’ awli ġodda u ħamsa u għoxrin uffiċċju ġdid.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar, tkellmet dwar il-passi lejn iktar ugwaljanza li pajjiżna se jagħmel fiż-żmien li ġej.
Qalet kif qed tħares ‘il quddiem lejn il-fatt li Malta se tilqa’ l-Europride tliet snin oħra. Żiedet tgħid li għaddej xogħol sabiex tiġi rreveduta l-liġi tad-divorzju u b’hekk koppji li jixtiequ jiddivorzjaw ma jibqgħux jistennew erba’ snin.
Qalet li, “Ħa nkunu aħna li mill-ġdid, kważi fl-għeluq tal-għaxar snin mill-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna, li nirrevedu din l-istess liġi.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista, Manuel Mallia fakkar l-importanza li ma jiġix mgħaġġel il-proċess tal-ġudizzju. Dan wara pressjoni mill-oppożizzjoni li kkritikaw il-ħin ta’ stennija biex jinstemgħu każijiet ċivili.
Spjega li, “Irridu nfakkru li l-Ġudikant xogħolu mhux biss li jisma’ oralment il-kawżi imma wkoll li jikteb is-sentenzi.”