Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo ndirizzaw konferenza virtwali tal-Assoċjazzjoni għal min iħaddem. Hawn ġew diskussi fost l-oħrajn, l-importanza tad-diġitalizzazzjoni kif ukoll it-tiġdid tal-ħiliet għall-intrapriżi sabiex jikbru u jaddattaw għall-ġejjieni.
F’din il-konferenza spikkat l-importanza li n-negozji ta’ kull daqs jevolvu sabiex jibqgħu relevanti fiż-żmien ta’ wara l-pandemija.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega kif dan huwa ż-żmien ideali sabiex jiġu diskussi dawn l-ideat. Dan għaliex il-pandemija ġabet magħha diversi sfidi iżda anke opportunitajiet. Spjega li r-riżors kruċjali ta’ pajjiżna huwa dak tal-ħaddiema, għalhekk il-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox sabiex isaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema. Il-Ministru Schembri għalaq billi qal li l-bidla hija naturali u appella lin-negozji żgħar sabiex ma jibżgħux jaddattaw.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari, Clayton Bartolo, saħaq dwar l-importanza ta’ ekonomija diversifikata. Żied jgħid li numru sostanzjali ta’ negozji eżistenti saru jagħmlu użu minn servizzi online minn meta bdiet il-pandemija. Irrimarka kif dan juri r-reżiljenza tal-Maltin u ħeġġeġ aktar negozji jagħmlu dan il-pass.