B’investiment qawwi fis-snin li ġejjin dan il-Gvern se jkun qed isaħħaħ l-impjanti tal-immaniġjar tal-ilma sabiex imbagħad jasal bi kwalità aħjar u togħma itjeb fil-vitien tad-djar f’Malta u Għawdex.
Qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-budget, il-Ministru għall-Immaniġjar tal-Ilma u l-Enerġija Michael Farrugia, fejn ma’ dan l-istazzjon spjega kif Malta diġà hija konformi mad-direttivi Ewropej fuq dan.
Qal li, “Targets importanti huwa li ntejbu d-distribuzzjoni u allura qed naraw ċaqliċ tal-popolazzjoni u fejn żdiedet il-popolazzjoni ħa nkunu qegħdin intejbu d-distribuzzjoni. It-tieni l-kwalità tal-ilma, minkejja l-kwalità tal-ilma huwa tajjeb biex jinxtorob u huwa f’livelli aċċettabli ħafna skont id-direttivi tal-UE, m’aħniex kuntenti rridu ntejbuh.”
Il-Ministru Farrugia semma x-xogħlijiet li għaddejjin fil-mina ta’ bejn Pembroke u ta’ Ta’ Qali, li mistennija ttejjeb il-kwalità tal-ilma fiċ-ċentru ta’ Malta u anke l-impjant tar-reverse osmosis f’Għawdex fejn sas-sena d-dieħla se jkun qiegħed jinfetaħ u jkopri l-gżira kollha.
Il-Ministru spjega li għal dawn il-proġetti hemm allokati miljuni ta’ ewro u li għas-seba’ snin li ġejjin se jkomplu jiżdiedu.
Ingħad li se jkun hemm ukoll assesjar sabiex Malta jkollha biżżejjed produzzjoni tal-ilma għad-domanda, li kull ma jmur qed tiżdied.
Fuq l-enerġija ta’ pajjiżna, Dr. Farrugia għamel referenza għad-diversi skemi li ħareġ dan il-Gvern fejn jidħlu l-pannelli fost l-oħrajn.
Elenka li Malta se tkompli taħżen l-enerġija u li din jkollha moniteraġġ aħjar.
Fil-konferenza l-Ministru tal-Enerġija qal li Malta se tkompli taħżen l-enerġija u tinvesti aktar biex tkompli titjieb l-enerġija rinovabbli ta’ pajjiżna għas-snin li ġejjin.