Hekk kif issa l-budget ġie preżentat, il-Parlament ġie fi stadju ta’ kumitat ta’ provvista fejn ġew diskussi l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg tkellem dwar proġetti infrastrutturali kbar li qed jagħmel il-Gvern fosthom dak tas-Central Link.
Huwa tkellem ukoll dwar miżuri li jinċentivaw l-użu tat-trasport li jniġġes anqas fosthom favur użu ta’ vetturi elettriċi jew li jaħdmu bil-gass.
Qal ukoll li t-trasport b’xejn għall-anzjani minn sebgħin sena ‘l fuq jikkumplimenta ma’ miżuri li daħħal il-Gvern qabel.
Spjega kif, “Irridu ngħidu illi dawn jingħaqdu mad-19,000 persuna b’diżabilità li qed nerġgħu ntuwhom tal-linja b’xejn u maż-żgħażagħ u l-istudenti kollha illi jiggwadanjaw minn tal-linja b’xejn.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius semma għadd ta’ miżuri li bihom il-Gvern wessa l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll għal dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom fost oħrajn.
Qal li, “Ikomplu jibbenefikaw aktar fuq skemi u tnaqqis ta’ taxxa fuq it-tieni dar tagħhom, is-second home buyers. Dawk li se jixtru dar vojta biex jibdluha f’darhom u tinsab f’urban conservation area. Dawn kollha ftakarna fihom kif ukoll min jiddeċiedi jixtri proprjetà ġewwa Għawdex.”
Fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Joe Mizzi li faħħar il-proġett tal-junction tal-Marsa u kif qabel dan il-proġett, inċident kien joħloq konġestjoni tat-traffiku.
Saħaq li, “Kien weġġa’ żiemel, waqa’, għalaq it-traffiku, ħadd ma mar l-airport tilfu l-flights tagħhom, il-bastiment ma setgħux jgħaddu, ma setgħux iġibu l-kontejners. Dawn huma fatti reali illi wasalna biex illum, permezz ta’ dan il-proġett, qed naraw illi l-ħajja u l-kwalità tal-ħajja speċjalment għan-naħa t’isfel ta’ Malta kemm tjiebet.”