L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin wera solidarjetà ma’ ONE News wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon fost oħrajn.
ONE News u midja oħra konna mistednin mill-Partit Nazzjonalista biex insegwu konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni wara d-diskors tiegħu dwar il-budget it-Tnejn filgħaxija, minn fuq in-NET jew online.
F’email li l-Partit Nazzjonalista bagħat lil ONE News, il-partit immexxi minn Bernard Grech naqas milli jistieden lil ONE News biex ikun preżenti biex jagħmel il-mistoqsijiet.
Dan jista’ jkun li kien il-każ għal midja oħra wkoll hekk kif kienu biss tliet ġurnalisti li dehru jsaqsu l-mistoqsijiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’indirizz li għamel barra l-Parlament wara li qara diskors ta’ sagħtejn dwar il-budget.
Wieħed mit-tliet ġurnalisti li għamel il-mistoqsijiet lil Grech kien tal-midja Nazzjonalista stess.
Dwar dan kollu, l-IĠM talab spjegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li qal li fl-istedina li bagħat dwar il-konferenza tal-aħbarijiet, il-partit stieden lil midja ssegwi l-konferenza b’mod online jew minn fuq it-televiżjoni u mhux talab lil midja li dan isir.
Għal din it-tweġiba li biha l-Partit Nazzjonalista, li tant jitkellem fuq il-libertà tal-espressjoni, prova jiġġustifika dak li għamel meta kienu biss tliet ġurnalisti li marru jagħmlu l-mistoqsijiet, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin reġa’ saħaq li l-ġurnalist għandu jsaqsi l-mistoqsijiet u jistenna t-tweġibiet.
“Kull tip ta’ esklużjoni ta’ ġurnalisti hija azzjoni inaċċettabbli u anti-demokratika”, saħaq l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li kritika l-fatt li l-Partit Nazzjonalista kellu jpoġġi kliem iżjed ċar fis-sejħa biex il-midja ssegwi l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-IĠM qal li l-Partit Nazzjonalista lanqas ħaseb biex almenu l-ġurnalisti setgħu jsaqsu b’mod online kif ġieli sar.
Fi stqarrija, l-IĠM żied jgħid li l-ġurnalisti kollha għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet biex tassew nirrispettaw u nirrikonoxxu l-irwol demokratiku tal-ġurnalist.
Saħansitra, l-IĠM innota li l-Partit Nazzjonalista kellu jinduna li numru ta’ ġurnalisti minn midja differenti ma dehrux u attendew biss tliet ġurnalisti għall-konferenza tal-aħbarijiet tant importanti wara d-diskors fil-Parlament tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin temm jgħid li jittama li dan l-att deplorevoli ma jerġax iseħħ.
Din mhiex l-ewwel darba li Bernard Grech ħarab il-mistoqsijiet ta’ ONE News.
Qabel sar Kap, fil-kampanja għat-tmexxija Nazzjonalista, saħansitra bodyguards ta’ Bernard Grech imblukkaw u imbuttaw lill-ġurnalist ta’ ONE News.
Dwar dan il-każ, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien saħaq li l-ġurnalist m’għandux jiġi mblukkat.
Ftit wara li ħa l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech spiċċa wkoll ħarab mill-mistoqsijiet ta’ ONE News u ddeċieda li ma jweġibx biss il-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon.
https://www.one.com.mt/2020/10/26/jahrab-mill-mistoqsijiet-jorganizza-konferenza-tal-ahbarijiet-u-jghid-lil-one-news-isegwi-online/