Fi żmien diffiċli għad-dinja kollha, il-piż f’pajjiżna ntrefa’ mill-Gvern u l-poplu ma tħalliex waħdu. Hekk stqarr il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu f’replika għall-budget filwaqt li tenna li l-piż tal-pandemija ma ntrefax f’taxxi mill-poplu. Minflok, il-poplu ngħata l-għajnuna meħtieġa sabiex wara li jgħaddi dan iż-żmien diffiċli pajjiżna jkun jista’ jerġa’ jkompli fit-triq pożittiva li kien għaddej minnha qabel. Dan b’differenza għal dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista fi żmien ir-riċessjoni ta’ wara l-2008.
Innota kif waqt pandemija Gvern Laburista rnexxielu jkompli jibni fuq il-budgets ta’ qabel mressqa minn Gvern Laburista. Dan filwaqt li kompla jagħti iktar u jkabbar il-benefiċċji. Huwa elenka numru ta’ miżuri li ser isarrfu f’differenza konkreta fil-ħajja tan-nies. Spjega kif b’kollox hemm aktar minn mitt azzjoni konkreta b’dan il-għan aħħari.
Fost dawn hemm ukoll miżuri u żidiet li huma mmirati sabiex itejbu l-istil ta’ ħajja tal-pensjonanti.
Stqarr kif lill-anzjani li ma jikkwalifikawx għal pensjoni minima, il-Gvern ser ikun qed iżidilhom il-benefiċċju għat-tielet darba mindu iddaħħal fl-2015. Dan b’żieda sa €350.
Spjega x’frott ser ikunu qed iħallu b’mod tanġibbli l-miżuri mħabbra fil-budget għal koppja li jiddependu fuq il-pensjoni minima.
Il-Prim Ministru nnota kif amministrazzjoni Nazzjonalista kienet ħalliet lil 5,500 ex ħaddiem tal-korpi mdendel u jitlef eluf ta’ ewro f’pensjoni dovuti lilu.
Spjega wkoll kif l-anzjani ser ikunu qed jibbenefikaw f’żieda fil-formolarju tal-Gvern li ser issarraf f’iktar mediċini b’xejn għalihom. Dan bl-impenn li fil-futur l-anzjani jibda jkollhom il-mediċini kollha b’xejn.
Dr. Abela kkummenta wkoll dwar il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħadha kontra l-imsieħba soċjali u qabbilhom ma’ tfal li ħadu li riedu wara li faħħru l-budget għas-sena d-dieħla.
Huwa rringrazzja lill-poplu Malti u lill-imsieħba talli f’dan iż-żmien diffiċli sabhom warajh. B’differenza għall-oppożizzjoni. Madankollu stqarr li l-Gvern ser jibqa’ impenjat sabiex ikompli jkattar il-ġid.