Fost il-miżuri li tħabbru fil-budget għas-sena d-dieħla hemm it-tneħħija tal-ħlas ta’ tlieta fil-mija li jridu jħallsu l-bdiewa u s-sajjieda meta jieħdu l-prodott tagħhom fil-pitkalija jew il-pixkerija.
Dan ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Anton Refalo, li waqtha spjega kif il-budget għas-sena d-dieħla ħaseb għal dan il-qasam.
Huwa qal: “Miżura li tagħmel sens fis-sens li qegħdin ngħidu li l-grant teħodha biss jekk il-bidwi jew is-sajjied jipparteċipa fi programmi li jkunu programmi li jagħmlu sens illi nnaqqsu l-produzzjoni fejn m’hemmx bżonn kif ukoll jaraw li ma jkunx hemm il-ħela.”
Għall-Gvern, dan is-settur għandu jerġa’ jkun pilastri għall-ekonomija lokali, b’hekk se jsir sforz biex aktar żgħażagħ jersqu ‘l quddiem lejn dan is-settur.
Il-Ministru Refalo qal ukoll li l-miżuri mħabbra fil-budget se jimxu linja ma’ direttivi tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Green Deal, il-Farm to Fork u l-Biodiversification.
Huwa temm jgħid li l-budget jinkludi wkoll lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-annimali, kif ukoll bidla fil-liġijiet b’rabta mad-drittijiet tal-annimali.
Il-Ministru Refalo sostna: “Għandna proġett importanti li huwa ċ-ċimiterju tal-annimali u fl-istess ħin nagħtu s-sapport u l-għajnuna sewwa lill-NGOs kif ukoll lill-Kunsilli Lokali u aħna naħdmu spalla ma spalla magħhom flimkien ukoll mal-cat feeders u ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-annimali.”