B’investiment ta’ madwar sittin elf ewro se jsiru xogħolijiet ta’ tisħiħ f’żewġ siti ta’ Natura 2000 li huma amministrati minn Bird Life Malta.
Ix-xogħolijiet il-ġodda ser jinkludu: it-twaqqif ta’ laboratorju għar-riċerka fis-Simar, użu ta’ prodotti u makkinarju ġodda biex jitħawwlu s-siġar, Installazzjoni ta’ Kameras tas-Sigurtà u l-Kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda fis-sit tal-Għadira.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li spjega li dan huwa eżempju ċar kif il-Gvern ser ikompli isaħħaħ il-preservazzjoni tal-bijodiversità f’Malta.
Qal kif, “Aħna dejjem nitolbu li l-bijodiversità nkomplu nkabbruha fil-pajjiż, imma wkoll nippromwovuwa – fil-fatt Malta għandha diversi sitit ta’ Natura 2000 fosthom dawn iż-żewġ siti u l-irwol tagħna huwa li nkomplu nkabbruhom u nsebbħuhom u b’hekk allura bħalissa flimkien mal-Awtorità Ambjentali qed naħdmu fuq strateġija biex ikollna pjan għal bijodiveristà bejn l-2022 u l-2030.”
Dawn iż-żewġ siti huma kkunsidrati bħala santwarji tal-għasafar – filwaqt li huma wkoll klassifikati bħala Żoni Specjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali u Żoni ta’ Ħarsien Speċjali.
Il-Ministru Farrugia spjega li dan ix-xogħol ser ikun qed jgħin sabiex ikompli jiġi mħeġġeġ it-tkattir u l-għejxien ta’ speċi protetti, fosthom dawk li jżuru dawn is-siti, bħal-Bużaqq, iż-Żrinġ u l-avifauna protetta fost oħrajn.
Il-Ministru semma li iktar minn tlettax fil-mija tal-art tal-Gżejjer Maltin ġiet allokata għal-34 siti terrestri Natura 2000, li jammontaw għal madwar 44 kilometru kwadru – filwaqt li s-siti marittimi Natura 2000 jkopru 35.5% tal-ibħra Maltin.