Sa issa ntefqu madwar sitt u għoxrin miljun ewro sabiex setgħu jinfetħu mill-ġdid l-iskejjel b’konformità mal-protokolli għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal, edukaturi u ħaddiema.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-budget, fejn qal ukoll li matul is-sena d-dieħla huwa mistenni li jintefqu madwar tnax-il miljun ewro fi spejjeż rikorrenti dwar dawn il-protokolli tas-saħħa.
Spjega li, “L-ammont ta’ flus li aħna nvestejna sabiex l-iskejjel ta’ uliedna jkunu jistgħu jinfetħu u l-figura aġġornata sal-bieraħ hija ta’ €26 miljun, li marru biex insaħħu s-servizzi fl-iskejjel skont kif riedu l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa biex uliedna u l-ħaddiema, l-edukaturi jkunu jistgħu jkomplu jmexxu ‘l quddiem l-edukazzjoni f’ambhent li jimisimizza r-riskji tal-imxija tal-COVID-19.”
Dan l-ammont jinkludi s-servizz ta’ tindif, servizz ta’ sigurtà, servizz ta’ superviżjoni mal-wasla u t-tluq tat-tfal, fil-provvediment ta’ materjal tal-ħasil, iġjene, sanitazzjoni u diżinfezzjoni, ħlasijiet marbuta mal-assessjar tar-riskji, ħlasijiet marbuta ma’ lezzjonijiet pre-rekordjati, servizzi addizzjonali ta’ ħarsien tat-tfal f’żewġ ċentri ġodda, spejjeż ġodda marbuta mal-breakfast għat-tfal u oħrajn.
Dr. Bonnici qal li matul din is-sena saru numru ta’ proġetti infrastrutturali, bħall-ftuħ tal-Iskola Primarja l-ġdida tal-Qawra b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro u x-xogħol fuq l-Iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun.
Is-sena elfejn wieħed u għoxrin se tkun ikkaratterizzata minn iktar xogħol infrastrutturali fil-kamp edukattiv, fosthom il-bini ta’ Skola Primarja ġdida fl-Imsida b’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro u fl-Iskola Primarja l-Ġdida tar-Rabat, Għawdex li se ssir b’investiment ta’ għaxar miljun ewro.
Żewġ proġetti oħra li fis-sena elfejn wieħed u għoxrin se jingħataw spinta kbira huma dawk tal-estensjoni u xogħol maġġuri fuq l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u tal-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija rispettivament. Il-Ministru Bonnici żied jgħid li diversi skejjel madwar il-pajjiż se jsirilhom xogħol ta’ tisbiħ u mordernizzar.
Fl-Università ta’ Malta se jiġi nvestit kumpless sportiv ġdid u binja ġdida għall-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u għall-Iskola tal-Arti Performattiva u parkeġġ ta’ żewġ sulari.
Fl-MCAST se jkun hemm titjib u bini ta’ aktar faċilitajiet fi ħdan il-Kampus ta’ Raħal Ġdid, it-tlestija taċ-Ċentru Ġdid għar-Riżorsi u l-Bini l-ġdid tal-Informatika u investiment f’faċilitajiet rikreattivi għat-titjib tas-saħħa mentali u fiżika.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, Clifton Grima, fejn tenna kemm dan il-Gvern investa bis-sħiħ f’dawn l-oqsma.
Qal li, “Wieħed jista’ jsemmi l-awtorità responsabbli mill-integrità u governanza, l-awtorità responsabbli mill-isport ekwestriju, numru ta’ faċilitajiet fil-pajjiż, faċilitajiet ta’ pixxini, grawnds tal-football, basketball, tennis numru ta’ dixxiplini sportivi li se jkunu qed jibbenefikaw. Is-settur tal-volontarjat se nkomplu ntuh aktar għodda fosthom ċentru dedikat b’mod speċifiku għas-settur tal-volontarjat. Is-settur taż-żgħażagħ, li se nkunu qegħdin propjament fl-elfejn u wieħed u għoxrin inwasslu politika ġdida nazzjonali.”