Bernard Grech ħadha kontra l-imsieħba soċjali f’pajjiżna u qabbilhom ma’ tfal li jkunu jridu xi ħaġa u joħduha. Dan hekk kif f’intervista li kellu fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd filgħodu huwa ta din l-ispjegazzjoni għal fatt li l-imsieħba soċjali kollha laqgħu b’mod pożittiv il-budget għas-sena d-dieħla imħabbar mill-Gvern.
Huwa qal: “Il-mument li t-tfal ittihom dak li jridu, mela jekk għandi t-tifel jien irid logħba tal-futbol biex jilgħabha fuq il-kompjuter, u ntihielu, dan x’se jagħmel? Se jifraħ. U din hija r-reazzjoni li rajna din il-ġimgħa.
Huwa uża l-imsieħba soċjali involuti fis-settur tat-turiżmu bħala eżempju, hekk kif qal li bħat-tfal li jridu xi ġugarell huma riedu l-‘vouchers’.
Huwa stqarr: “Mela jekk inti kellek il-qasam pereżempju tat-turiżmu illi xtaqu l-vouchers ħalli huma ‘rightly so’ jibqgħu għaddejjin ħalli ma jmutux, ħalli l-oqsma tar-ristoranti ma jmutux, ħalli l-oqsma tas-servizzi ma jmutux u dan tahomlohom, Dawn ser jgħidulek budget tajjeb. Ser jgħidulek Edward Scicluna is the best.”
F’diskors ta’ madwar kwarta huwa għamel użu minn bosta metafori u tixbihat għaliex hekk hemm bżonn biex jifhmuh in-nies.
Grech sostna: “Jien nipprova nuża l-eżempji biex niftiehmu żgur, mhux għax jien bniedem sempliċi, imma għax jien bniedem li nissimplifika, nissimplifika biex żgur niftiehmu.”
F’waħda mill-metafori li uża Grech stqarr li l-poplu Malti bħal donnu qed jittallab għall-qasba tas-sajd mingħand il-Gvern.
Grech qal: “M’għandekx biex ittini qasba tar-rill sabiħa, erba’ metri twila, bir-roll ileqq, m’għandekx? Tini qasba żgħira tal-qasab antika, bix-xlief magħmul mil-lazz. Imma ibda tini l-qasba.”
Fuq l-istess nota negattiva kompla l-Ekonomista Graham Bencini, li sar ikollu post f’kull programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Bencini stqarr: “Nappella lin-nies kollha hemm barra biex jibdew jaħsbu f’dan il-mod. Mhux fix-xinxilli li nibdew naraw fuq il-billboards, li l-Gvern ta żieda ta’ ħames ewro fil-ġimgħa fuq il-pensjoni, li mhux vera.”
Quddiem miżuri soċjali bħaż-żieda fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance u ġurnata leave oħra, Bernard Grech ma ġerraħx dan.
Grech saħaq: “Il-miżuri li għamilt huma kożmetiċi. Il-problema tal-Labour hija li dejjem jaraw sal-ponta ta’ mneħirhom.”
Intant Bernard Grech kompla ma’ dak li kien qal id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech u mar kontra anki dak li jgħidu l-professjonisti dwar il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Huwa sostna: “Għada rrid nispjega wkoll dak li qed jgħid anke l-Ministru Fearne, u dak li qed jgħid ukoll il-Prim Ministru u li qal il-Ministru tal-Finanzi, li hemm bżonn bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Issa għada nispjega għalfejn dan il-bilanċ jista’ jkun ukoll perikoluż.”
Intant, b’reazzjoni għal dan id-diskors, fi stqarrija il-Partit Laburista qal li Bernard Grech huwa Kap tal-Oppożizzjoni negattiv u bla viżjoni li minħabba n-nuqqas t’għarfien tiegħu dwar l-ekonomija, huwa iżolat fil-kritika tiegħu stess.