Eritrean ta’ 31 sena qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, b’rabta ma’ atti ta’ vandaliżmu fuq waqfiet ta’ tal-linja madwar Malta.
Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija kienet infurmata li hemm raġel ikisser bus stop fi Triq Dun Karm f’Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu tifrik ta’ ħġieġ. Immedjatament bdew bit-tfittxija fejn fi ftit tal-ħin, ġie osservat raġel li qabel mad-deskrizzjoni li ngħatat.
Huwa twaqqaf mill-Pulizija u waqt li kienu qed ikellmuh, innutaw li kellu l-qalziet bid-demm.
Fi tfittxija li saret fil-basket li kellu wara dahru, instabu ħadida twila u biċċiet tal-ħġieġ.
Minn iżjed investigazzjonijiet li saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri irriżulta li l-istess raġel tul dan ix-xahar, allegatament ivvandalizza tlettax-il bus stop fil-Marsa, f’Ħal Luqa, f’Wied il-Għajn, fil-Ħamrun, f’Ħal Lija, f’San Pawl il-Baħar, f’Burmarrad, fiċ-Ċirkewwa u fil-Mellieħa, uħud iktar minn darba.
Il-ħsara li saret tammonta għal aktar minn ħmistax-il elf ewro.