F’seba’ snin, in-numru ta’ persuni li kienu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali naqsu b’ħamsin fil-mija.
Dan ifisser li minn madwar erbatax-il elf persuna fl-elfejn u tlettax, sa Settembru ta’ din is-sena niżel għal madwar sitt elef persuna li jieħdu xi tip ta’ benefiċċju soċjali.
Qal dan id-Direttur għall-Osservanza tal-Benefiċċji, George Cremona, fejn ma’ dan l-istazzjon spjega kif aktar nies issa daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Qal li, “L-Istudji li naraw u min kif qegħdin inħaddmu l-policies tagħna qegħdin naraw li l-benefiċjarji soċjali niżlu b’iktar minn 50%, din hija xi ħaġa importanti ħafna għaliex meta tgħid li l-benefiċjarji naqsu bin-nofs dawn il-persuni llum qegħdin fid-dinja tax-xogħol u anke baqgħu fid-dinja tax-xogħol tmenin fil-mija wara li spiċċalhom it-tapering tal-benefiċċji.”
Cremona qal kif jeżistu żewġ sistemi li jassiguraw li l-ewwel ma jkunx hemm abbużi fil-benefiċċji soċjali u li l-benefiċċji soċjali jmorru għand min veru jeħtieġhom. Żewġ sistemi li jiffrankaw miljuni t’ewro.
Spjega li, “Lill-pajjiż inkunu qed niffrankawlu bejn wieħed u ieħor bejn erba’ miljun ewro u ħames miljun ewro fis-sena, għax permezz tal-business intellegence kif għidt qabel dan jipprevjeni illi persuna jekk ma ħaqqux ma jieħux benefiċċji u l-benefits compliance nassiguraw li hemm osservanza tal-liġijiet li jkunu qegħdin jirregolaw dawk il-benefiċċji soċjali.”
F’mistoqsija Parlamentari, il-Ministru Michael Falzon qal kif mill-elfejn u sbatax sa’ Settembru ta’ din is-sena, madwar elfejn u sitt mitt persuna kellhom jew il-benefiċċju mwaqqfa jew li ġew innotifikati b’ammont żejjed ta’ ħlas.
Is-Sur Cremona qal li grazzi għad-diversi miżuri li ħa dan il-Gvern, fosthom iċ-Childcare b’xejn u anke titjib fl-inwork benefit, diversi persuni daħlu fid-dinja tax-xogħol u waqqfu jiddependu fost oħrajn fuq il-benefiċċju tal-qgħad.