Il-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-budget tat-Tnejn li għadda se jgħinu biex is-sena d-dieħla Malta jkollha tkabbir ekonomiku ta’ ħamsa fil-mija. Miżuri konkreti favur ekonomija b’saħħitha.
Qal dan l-ekonomista t’esperjenza u lettur tal-ekonomija fl-Università ta’ Malta Dr Philip Von Brockdorff, fejn ma’ dan l-istazzjon spjega kif fil-budget għas-sena elfejn wieħed u għoxrin seta’ jinnota miżuri b’saħħithom għan-nefqa infrastrutturali, settur b’saħħtu li se jgħin fl-istimulu tal-ekonomija.
Qal kif, “In-nefqa infrastrutturali tgħin ukoll ovjament biex tiġġenera attività ekonomika. Naturalment hemm sistemi oħra fosthom l-estensjoni tat-tnaqqis fil-boll fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ propjetà u dik għandha tgħin ukoll li hu settur reżiljenti ħafna fiċ-ċirkostanzi minħabba ovvjament ir-reżiljenza tiegħu u baqa’ għaddejj b’rittmu ekonomiku mgħaġġel u b’rittmu b’saħħtu ħafna.”
L-ekonomista rinomat faħħar ukoll miżuri oħra bħal dik tal-vouchers tal-mitt ewro li wkoll mistennija jinjettaw flus li se jħallu impatt pożittiv fuq l-ekononomija Maltija is-sena d-dieħla.
Spjega li, “Il-Gvern qed jara li jinċentiva l-konsum ukoll. Anke s-sistema tal-vouchers għandha tgħin ukoll biex permezz ta’ cash injection kif ukoll l-effett dak li jissejjaħ il-multiple-effect u jsir ukoll stimulu għal konsum u allura wkoll ikollha impatt pożittiv fuq l-ekonomija.”
Dr. Brockdorff semma wkoll il-Fond Ewropew ta’ mitejn u għoxrin miljun ewro għall-irkupru kawża tal-pandemija, fejn spjega kif il-Gvern Malti issa għandu opportunità li jimraħ fil-qasam teknoloġiku u jsaħħaħ qasam ieħor b’saħħtu f’Malta.
Qal li, “Huwa importanti li l-Gvern jibda jaħseb min issa kif se jutilizza dawk il-fondi parikolarment fl-oqsma tal-ekonomija diġitali li allura tgħin ukoll biex iżżid il-produttività fl-ekonomija tagħna, tagħmilha wkoll aktar reżiljenti u ovvjament toffri wkoll opportunità ta’ investiment innovativ u ġdid.”