F’sena, familja ta’ erba’ persuni se tkun gawdiet bejn tmien mija u disa’ mitt ewro mill-budget, meta wieħed iqis il-kumpens għall-għoli tal-ħajja, ir-rifużjoni tat-taxxa għal kull ħaddiem, il-vouchers ta’ mitt ewro, l-inwork benefit u ċ-children’s allowance fost l-oħrajn.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-għada li ġie ppreżentat il-budget għas-sena d-dieħla bit-tema “Maltin b’Saħħitna ’l Quddiem”.
Huwa ddeskriva l-budget bħala wieħed għas-soċjetà kollha, li jaħseb u jolqot lil kwalunkwe faxxa fis-soċjetà.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-istorja turi kif meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb igawdi kulħadd, imma meta tkun qed tbati l-ekonomija, ibati l-aktar iż-żgħir. Qal li dan il-Gvern ma jridx li jaqa’ kollox fuq iż-żgħir, allura b’dan il-budget qed jaħseb f’min l-aktar għandu bżonn.
Innota li l-unjins, l-imsieħba soċjali u l-korpi kollha kellhom kliem ta’ tifħir għall-miżuri mħabbra.
Chris Fearne qal li dan huwa budget li se jsaħħaħ il-bażi tas-soċjetà Maltija llum, biex għada u ’l quddiem, pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jkompli fejn ħalla qabel il-pandemija.
Qal kif, “Dan huwa budget li jieħu ħsieb is-saħħa taċ-ċittadin, jieħu ħsieb is-saħħa tal-ekonomija, biex b’hekk mis-sena li ġejja nkunu nistgħu nitilqu niġru bl-ekonomija tagħna. Dan huwa budget li fuq kollox lili jagħmilni kburi li jiena parti minn dan il-Gvern, jagħmilni kburi li jiena Malti.”
Il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, spjega mill-aspett ekonomiku li jekk wieħed ma jarax is-sitwazzjoni reali u l-impatt finanzjarju li ġabet magħha l-imxija, ma jkunx jista’ japprezza kemm il-budget huwa b’saħħtu.
Il-Professur Scicluna qal li dan il-Gvern ħass il-ħtieġa li jgħin liż-żgħir u l-vulnerabbli u għalhekk intefqu ħamsin miljun ewro iżjed fuq miżuri soċjali mis-sena l-oħra.
Qal li filwaqt li l-attenzjoni qiegħda fuq il-preżent, wieħed ma jistax ma jarax iż-żmien ta’ wara l-pandemija, u dan jista’ jagħmlu għax ħadem bil-għaqal fl-aħħar snin.
Spjega li, “Dan il-budget wera ċar li kien preparat għaliex kieku ma kienx preparat, ekonomikament b’saħħtu, kieku ma kienx jagħmel dal-programm, imma konna bilgħaqal, filwaqt li l-ekonomija kienet qed tikber, fl-istess ħin konna bilgħaqal li naħsbu għal li jista’ jinqala’ u li kellu jinqala’, inqala’, u sabna preparati.”
Fil-jiem li ġejjin, kull Ministeru se jagħti elenku dettaljat tal-miżuri mħabbra f’konferenzi tal-aħbarijiet rispettivi.