L-iskema ta’ għajnuna mill-Gvern fi ħlas tal-pagi magħrufa aħjar bħala l-Covid Wage Supplement ser tkun estiża sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Dan b’nefqa li tlaħħaq l-€200 miljun.
Fil-qari tal-Budget ġie nnotat sa issa b’din il-miżura ta’ spalla għan-negozji u l-familji ġew salvati mal-mitt elf impjieg u twieżnu mal-għoxrin elf kumpanija.
Fil-Budget, il-Gvern qal li se jkun qed janalizza kontinwament l-andament ekonomiku u jadatta l-miżura skont il-ħtiġijiet fosthom skont l-andament tan-negozju li jkun qed igawdi minn din il-miżura.
Ġie spjegat ukoll kif ser ikun qed jitfassal pjan b’viżjoni ċara għall-ekonomija Maltija għall-għaxar snin li ġejjin u strateġija li tiffoka fuq it-tliet snin li ġejjin. Dan filwaqt li l-Malta Enterprise ser tkun qed issostni s-settur tal-investiment produttiv bi skemi innovattivi.